Fl-aħħar sena u nofs, il-Gvern Malti investa aktar minn ħames mija u erbatax-il miljun ewro f’sussidji biex jagħti stabilità lill-familji u n-negozji, waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali mingħajr preċedent.
Dan wassal biex pajjiżna kien l-uniku wieħed fl-Unjoni Ewropea fejn il-kontijiet tal-enerġija u l-fuels m’għolewx mindu faqqgħet il-Gwerra fl-Ukrajna.
Ċifri, li ppubblikat il-gazzetta KullĦadd, juru kif, sa Ġunju li għadda, il-Gvern alloka, fost oħrajn, €334 miljun għall-kontijiet tad-dawl biss.
Tkellimna mal-Professur tal-ekonomija Philip von Brockdorff, li stqarr li, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, il-pajjiż ukoll seta’ jibqa’ għaddej b’mod tajjeb, waqt li l-ġid nazzjonali kompla jikber b’mod sostenibbli. Dan wassal biex kull familja f’pajjiżna ffrankat mal-€2,000 fis-sena mill-kontijiet tad-dawl.
F’dan il-perjodu msemmi wkoll kienu meħtieġa mal-€143 miljun f’sussidji biex il-prezz tal-fuels baqgħu l-orħos fl-Ewropa.
Il-prezz tal-gass LPG, li jintuża sew ukoll fir-residenzi u l-industriji lokali, ukoll inżamm stabbli permezz ta’ injezzjoni oħra ta’ €23.5 miljun.
Minn ċifri tal-Ministeru għall-Agrikoltura ħareġ ukoll li, fl-aħħar sena u nofs, ġew investiti aktar minn €14-il miljun f’sussidji fl-importazzjoni u l-produzzjoni li tinvolvi ċ-ċereali u l-ġwież.
Fl-intervista, il-Professur Von Brockdorff sostna li din kienet miżura importanti u effettiva għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Qal, “Li kieku ma kienx dak is-sussidju għandek konsegwenzi tal-inflazzjoni, jiġifieri żġur li kienet titla’ għal 8% jew possibbilment aktar minn 8%, f’ċertu perjodu. Imma, imbagħad, ovvjament għandek l-impatt fuq l-ekonomija, b’mod partikolari fuq il-konsum. Jiġifieri meta jiżdiedu l-ispejjeż għall-konsumaturi, dak ifisser li jintlaqtu b’mod negattiv minn dak l-effett u allura jimpatta fuq il-konsum inġenerali fl-ekonomija.”
Huwa kompla jsostni x’kien ifisser li kieku dan is-sussidju qatt ma ngħata mill-Gvern.
Qal, “Importanti, f’kuntest tal-prezzijiet għoljin, b’mod partikolari dawk tal-gass għall-enerġija, dak jimpatta b’mod negattiv, mhux biss fil-konsum, iżda wkoll possibbilment il-kompetittività ta’ pajjiżna, f’setturi importanti bħat-turiżmu u l-manifattura, fejn ovvjament dak is-settur jesporta lil pajjiżi oħrajn.”
Sostna li pajjiżna jista’ jagħti dan is-sussidju, għax għandna ekonomija b’saħħitha.
Qal, “Kull pajjiż kellu jara x’inhu l-aħjar għall-ekonomija relattiva biex jindirizza l-problema taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Naħseb il-miżura li ttieħdet (mill-Gvern Malti) kienet waħda effettiva.”