Fil-budget ta’ din is-sena, żdiedu l-fondi allokati għal taħriġ għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn ġew allokati madwar €500,000 għal taħriġ speċjalizzat kemm lokali u barra minn xtutna.
Elenka dan il-Ministru Carmelo Abela, waqt iċ-ċerimonja li matula l-Forzi Armati ta’ Malta laqgħet 72 membru ġdid.
Fis-sena 2016, madwar 50 membru ingħata taħriġ f’akkademji militari rinomati barra ‘l pajjiż. Dan wara li bejn l-2013-2015 madwar 170 membru ngħata taħriġ f’aktar minn 20 pajjiż differenti għal valur ta’ €660,000.
Il-Ministru spjega li t-taħriġ offrut mill-Armata huwa ta’ livell għoli. Din is-sena aktar minn 100 suldat irċieva taħriġ f’ċentru u istituzzjonijiet edukattivi lokali. Aktar minn 100 suldat ieħor ingħata tarħiġ minn tim ta’ esperti f’oqsma differenti li ġew fuq żjara biex iwettqu taħriġ speċjalizzat. Il-ħidma hi kontinwa biex aktar programmi ta’ taħriġ ikunu akkreditati mill-MCAST.
L-istruttura eżistenti se tkompli tingħata spinta ‘l quddiem, dan grazzi għat-Twaqqif tal-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. L-Akkademja se tkun qed toffri pjattaforma lil kull Korp biex ifassal aktar programmi speċjalizzati skont il-ħtiġijiet tal-membri tiegħu.
Il-Kap Kmandant il-Brigadier Jeffrey Curmi semma kif dan huwa l-ewwel grupp li gradwaw minn kors li huwa uffiċjalment rikonoxxut mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre fuq livell tlieta. Elenka li l-investiment li qed isir fit-Training School tar-Raba’ Reġiment biex tkompli sservi għall-formazzjoni u l-iżviluppar ta’ kull suldat.
Huwa tkellem ukoll fuq l-inizjattivi extra-kurrikulari li ħadu r-rekluti matul il-perjodu tar-reklutaġġ fosthom b’xogħol li sar fil-ħin liberu f’The Island Sanctuary f’Delimara u xogħol ieħor volontarju f’dar li tieħu ħsieb nies fil-bżonn.