Il-Gvern permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu se jkun qed jagħti għaxart elef ewro lill-klabbs tal-futbol lokali li fl-istaġun li ġej se jkunu qed jieħdu sehem f’kampjonati Ewropej.
Din is-sena l-klabbs tal-Hibarnians, ta’ Birkirkara, il-Gżira United u l-Mosta, kif ukoll it-tim tan-nisa ta’ Birkirkara se jkunu ambaxxaturi ta’ pajjiżna f’logħob li se jsiru fl-Estonja, f’San Marino, f’Andorra, fl-Islovakkja u fl-Iskozja.
Permezz ta’ għajnuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu l-MTA, fuq il-flokkijiet ta’ dawn it-timijiet se jkun hemm il-logo ta’ VisitMalta u li għalhekk, waqt il-logħob pajjiżna se jkun ukoll irreklamat bħala destinazzjoni turistika.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef tenna kif fl-aħħar snin mal-15-il tim ġew f’pajjiżna għal taħriġ, u jekk il-faċilitajiet sportivi jkomplu jiżdiedu, din in-niċċa ta’ turiżmu sportiv tkompli tikber fis-snin li ġejjin.
“Din hija ħidma li qiegħda ssir, qegħdin naħdmu wkoll mat-tim nazzjonali Malti, aħna sponsors tat-tim nazzjonali Malti, qegħdin ngħinu lit-timijiet tal-klabbs li jipparteċipaw barra l-pajjiż fuq livell internazzjonali, naraw iva bħala niċċa ġdida li nkomplu nkabbruha”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tenna kif permezz ta’ din l-għajnuna finanzjarja mhux biss se jgħinu lit-timijiet lokali, imma wkoll se jikberil-potenzjal ta’ reklamar għall-pajjiżna barra minn xtutna u għalhekk nattiraw aktar turisti lejn il-gżejjer Maltin.
“Irridu naraw kif nieħdu l-aqwa minn dak kollu li għandna bħala pajjiż. Għandna verament biex inkunu kburin bħala pajjiż inkluż l-isport. L-isport huwa għodda importanti li kapaċi jgħaqqad lin-nies kollha flimkien u rridu naraw illi dan kollu li ġibna flimkien bħala poplu wieħed biex noħorġu b’saħħitna iżjed milli konna qabel.”