Minn meta, fil-Budget għas-sena elfejn u tnejn u għoxrin, tħabbret l-iskema ta’ ffrankar tat-taxxa għal min jixtri jew ibigħ proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana, magħrufa bħal UCA, kienu ffrankati aktar minn ħamsin miljun ewro.
Din l-informazzjoni ħarġet fi storja fil-faċċata tal-gazzetta It-Torċa, li ddeskriviet din l-iskema bħala waħda minn diversi, u li kienet maħsuba biex tiddirezzjona u tħeġġeġ lin-nies jixtru proprjetajiet antiki u jerġgħu jagħtuhom il-ħajja.
L-ewwel darba li tħabbret din l-iskema kien fil-Budget għas-sena li għaddiet, u eventwalment reġgħet iġġeddet fil-Budget ta’ din is-sena.
It-taxxa jiffrankawha dawk kollha li jixtru proprjetà ta’ dan it-tip sa seba’ mija u ħamsin elf ewro.
L-iffrankar ta’ ħamsin miljun ewro f’taxxa tal-boll fuq proprjetajiet li jinsabu f’żona ta’ konservazzjoni urbana, ma jinkludux l-għotjiet li qed jingħataw lil dawk li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u jixtru proprjetà simili.
F’Malta, min jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu jingħata ħmistax-il elf ewro biex ikun megħjun jekk jagħmel għażla ta’ dan it-tip, filwaqt li f’Għawdex, first-time buyer jingħata tletin elf ewro.
Dan huwa parti mill-isforz tal-Gvern biex jiġu rriġenerati l-irħula.
Apparti dan, dawk li għandhom proprjetajiet ta’ dan it-tip jingħataw għotja fuq il-valur imħallas tal-VAT, sa massimu ta’ erbgħa u ħamsin elf ewro għal fuq l-ewwel tliet mitt elf ewro, fi spejjeż ta’ restawr.
Minn żmien għal żmien, jitħabbru wkoll skemi oħra, bħal “Irrestawra Darek” tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Għal din l-iskema, mill-elfejn u sbatax sal-lum, ġew investiti aktar minn erbgħa u għoxrin miljun ewro, u gawdew aktar minn tlett elef sid ta’ dar f’żoni urbani ta’ konservazzjoni.
Fl-aħħar ġimgħat ukoll ħarġet sejħa ta’ ħames miljuni, li nħatfet f’ħakka t’għajn.