Sport Malta ser tgawdi minn investiment rekord ta’ ħames miljun ewro mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali. Il-fondi ser imorru għat-tħejjija teknika tal-atleti Maltin għall-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fl-2023.
Dan ġie mħabbar f’konferenza, ‘Ninvestu fl-Atleti’, fejn ġie iffirmat il-ftehim bejn l-entitajiet Sport Malta u l-NDSF.
L-investiment minn fondi tal-programm ta’ residenza, huwa immirat biex l-atleti Maltin joffru prestazzjoni denja għal pajjiżna li ser ikun qed jorganizza l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima ddeskriva l-fatt li Malta ser tilqa’ l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u li llum qed issir dan l-investiment bħala xi ħaġa sabiħa.
Clifton Grima tenna kemm huwa importanti li l-investiment mhux biss isir fil-faċilitajiet iżda għandu jsir ukoll fl-atleti b’mod dirett.
Huwa qal, “Illum huwa jum storiku għas-settur sportiv ġewwa pajjiżna fejn għall-ewwel darba għandek il-Gvern illi b’mod tanġibbli qiegħed jinvesti direttament fl-atleti tagħna. Qegħdin naraw is-somma ta’ ħames miljun ewro illi qegħdin jiġu nvestiti b’mod dirett fil-preparazzjoni teknika tal-isportivi tagħna.”
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat spjega kif dan il-fond għandu fih sebgħin fil-mija tal-programm ta’ residenza u l-ġid ġenerat f’dan il-programm qed jissarraf f’investiment fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Huwa sostna:“Illum ħabbarna investiment mill-NDSF li huwa dak il-fond nazzjonali li fih warrabna sebgħin fil-mija tal-introjtu kollu li ġie minn dak li kien qabel il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment illum ir-residenza b’investiment. Investiment dirett fl-atleti tagħna ta’ ħames miljun ewro.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, saħaq li dan l-investiment li qed isir qabel il-logħob huwa importanti ħalli l-atleti Maltin ikollhom aktar mezzi biex iħejju aktar rwieħhom f’kompetizzjonijiet bħal dawn. Qal ukoll li l-għan ta’ Sport Malta huwa li tkabbar u ttejjeb il-faċilitajiet biex titjieb il-kwalità tal-isport Malti.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali Raymond Ellul, qal kif din kienet l-ewwel darba li investiment bħal dan qiegħed isir b’mod dirett fl-atleti Maltin.