Wara għexieren ta’ snin ta’ telqa Wied il-Qlejgħa magħruf aħjar bħala Chadwick Lakes se jkun qed jiġi rrigenerat. F’dan il-proġett se jkun qed isir xogħol sensittiv li se jippriserva l-ekoloġija tal-wied. Dan ix-xogħol jinkludi fih it-tneħħija ta’ pjanti u speċi invasivi u terġa tiġi introdotta veġetazzjoni tipika tal-widien Maltin.
Il-proġett se jaħseb ukoll għat-tiswija tal-ġwiebi tal-ilma. Bħalissa dawn il-ġwiebi li jagħmlu parti mit-tieni l-akbar catchment tal-ilma madwar il-gżejjer Maltin se jkunu qed jitneħħew minnhom depożiti ta’ ħamrija li nġabru fihom tul is-snin. Permezz tal-proġett wieħed se jkun jista jimxi tul tal-wied mingħajr ma jikkawża l-ebda ħsara fil-wied. Mingħajr ma ssir l-ebda ħsara lejn l-ekoloġija tal-wied se jkunu introdotti passaġġi li huma aċċessibbli għal kulħadd.
Ġie spjegat kif Il-wied irid jerġa jiġi fl-istat naturali tiegħu. Il-Ministru għall-Enerġija u Ilma Joe Mizzi spjega li dan Mhux proġett ta darba iżda proġett li se jkompli jirrijabilita l-post. Waqt l-interventi partijiet mill-wied se jkunu qed jingħalqu għall-pubbliku minħabba l-aspetti ta’ saħħa u sigurta.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett se jiswa 5 miljun ewro mill-fondi Ewropej. Spjega li dan il-proġett se jkun qed jitgawda minn kulħadd. Qal ukoll li il-manutenzjoni ta’ dan il-post se tkun possibbli grazzi għal fondi oħra Ewropej.
Dan il-proġett mistenni jitlesta fi żmien sentejn madankollu l-livelli tal-ilma u staġun tax-xita jista’ jtawwal jew iqassar il-proċess minħabba li r-riġenerazzjoni trid issir meta l-wied ikun vojt.