Ġie mniedi l-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-sena 2024 b’numru ta’ skemi b’finanzjament li jlaħħaq il-ħames miljun ewro għal artisti diversi f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li, b’kollox, hemm total ta’ 27 skema differenti ta’ finanzjament, li jinkludu tliet faxex ġodda: l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Apprentistat; il-Programm Reġjonali ta’ Koperazzjoni Kulturali; u l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Film u t-Televiżjoni.
Intqal li l-2024 se tkun ukoll sena eċċitanti għall-internazzjonalizzazzjoni, li se tinkwadra fiha l-parteċipazzjoni estiża ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezia, b’paviljun nazzjonali u ‘I Will Follow the Ship’, fost avvenimenti oħrajn, inkluż il-ftuħ tas-sejħa biex Malta jkollha padiljun fil-London Design Biennale 2025.
Lokalment, is-serje t’inizjattivi, webinars u sessjonijiet ta’ informazzjoni se jkomplu wkoll, biż-żieda ta’ Kunsillkafè, kunċett ġdid rilassanti bl-għan li jippromwovi d-djalogu u d-diskussjoni.
“Il-Kunsill joffri ħafna avvenimenti fejn jista’ jiltaqa’ mas-settur kulturali u kreattiv. Fosthom għandna l-ACM Labs, webinars, info sessions ukoll, imma ħassejna li għandna bżonn noħolqu dan il-kunċett pjuttost informali fejn in-nies tas-settur ikunu jistgħu jiltaqgħu u jiddjalogaw, jgħidulna l-ideat tagħhom u jkunu jistgħu jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom magħna biex naraw kif nistgħu ntejbu s-settur speċjalment minħabba li huma l-polz tas-settur tagħna.” – Maria Angela Vassallo, uffiċjal mill-Kunsill għall-Arti
Sadanittant ONE News tkellem ma’ wieħed mill-artisti, li ilu jibbenefika mill-iskemi tal-Kunsill għal diversi snin.
Karl Fiorini, kompożitur, li jorganizza festivals varji f’pajjiżna, tenna kemm hu importanti li l-artist jibqa’ jiġi rikonoxxut u bi skemi bħal dawn il-ħolma ta’ kull artist tista’ ssir realtà.
“Ma tantx ili li ġejt noqgħod lura Malta wara 20 sena fi Franza u l-Ingilterra u kuntent ħafna li nara li hawn daqsekk inċentivi fis-settur kulturali iktar milli kont ħallejtu jien ftit tas-snin ilu. Ibbenefikajt diversi drabi matul is-snin. L-ewwel darba kienet fuq proġett ta’ reġistrazzjoni ta’ CD ta’ mużika tiegħi għal kunċerti għall-vjolin. Kont irrekordjajtu fl-2012 fil-Polonja, imbagħad fl-2019 f’rekording ta’ CD ieħor ta’ mużika de camera.” – Karl Fiorini, kompożitur
Albert Marshall, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, min-naħa tiegħu għamel referenza għall-impenn kontinwu tal-Kunsill għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fost is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.
Mary Ann Cauchi, Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija, innotat li l-isforzi kontinwi tal-Kunsill Malti għall-Arti rriżultaw f’pajsaġġ aktar matur, bil-Kunsill din is-sena jġedded l-impenn tiegħu biex ikompli jrawwem u jespandi dan il-pajsaġġ biex jiżgura li aktar nies jibbenefikaw, kemm direttament kif ukoll indirettament.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. Hu qal li din is-sena se tkun sena ta’ investimenti, inizjattivi u programmi li kollha kemm huma huma mmirati biex iwettqu l-Politika Kulturali Nazzjonali.
Kull min jixtieq aktar tagħrif jista’ jżur il-websajt www.artscouncil.mt jew iċempel fuq in-numri 2334 7201/02.