Il-Maltatoday kompliet tiżvela dettalji b’rabta mal-investigazzjoni ta’ Capital One, li f’Malta kienet taġixxi f’isimha kumpanija fiduċjarja bl-isem ta’ Baltimore.
Wieħed miż-żewġ persuni fit-tmun ta’ Baltimore kien il-Viċi-Kap Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami. Fil-ħarġa tal-llum huwa rrapportat li €5.3 MILJUN daħlu fil-kont ta’ CapitalOne fuq medda ta’ erba’ snin…primarjament minn kumpaniji Ċiprijoti u Griegi, u li iktar tard għaddew f’kumpaniji Ċiprijotti oħra.
It-tranżazzjonijiet, permezz tal-Bank of Valletta, għaddew fuq struzzjonijiet ta’ Baltimore Fiduciary Services.
Eventwalment il-bank kien mgħarraf li kien hemm investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus u l-Pulizija talbet dettalji dwar il-kont ta’ CapitalOne. Kien minn hemm li rriżulta li Baltimore kienet qed tagħti struzzjonijiet fuq l-affarijiet ta’ CapitalOne, li l-benefiċjarju aħħari tagħha kien Robert Soogea, plejer tal-poker li kien arrestat fuq droga. Fil-fatt kien waqt din l-investigazzjoni qamu s-suspetti ta’ ħasil ta’ flus.
It-tranżazzjonijiet li għaddew waslu biex il-pulizija titlob gwida dwar kif se tipproċedi. Filwaqt li l-Bank żvela wkoll li kien ħareġ karti tal-kreditu lil Soogea u persuni oħra assoċjati miegħu. Interessanti wkoll, kif f’daqqa waħda, f’April 2009, il-kumpanija żiedet il-kapital tagha mal-Malta Financial Services Authority minn €50,000 elf ewro għal €200 MILJUN.
Filwaqt li tat dettalji ta’ ħames tranażazzjonijiet, li kollha jlaħħqu mijiet ta’ eluf ta’ ewro jew miljuni, il-Maltatoday innotat kif tul dan iż-żmien kollu, Beppe Fenech Adami kien direttur.
Meta fil-Pulizija Maltija l-file għaddha mingħand spetturi investigattivi għal għand is-superjuri tagħhom, kien innotat kif Soogea kien suspettat traffikant tad-droga u li seta’ kien qed jaħsel il-flus li jikseb mill-kriminalità.
Hemm għamlu wkoll nota li wieħed mid-diretturi ta’ Baltimore kien PEP – Politically Exposed Person. Fil-fatt dan il-PEP kien Beppe Fenech Adami, assistent parlamentari fil-Ministeru tal-Intern. Ir-rakkomandazzjoni kienet li t-tagħrif jgħaddi għand il-Europol.
Pero’, minkejja dan kollu, l-investigazzjoni kienet sospiża. Kumbinazzjoni wara li tfaċċa isem Fenech Adami. Bl-awtoritajiet Olandiżi jispiċċaw ukoll jiddgħajfu fl-investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ tagħrif minn Malta.
Fil-filmat t’hawn taħt, tista’ ssegwi kif Beppe Fenech Adami kien iddikjara li jemmen li kumpaniji fiduċjarji huma responsabli għal ħidmiet l-klijenti tagħhom.