B’investiment ta’ madwar €47,000 b’kofinanzjament minn fondi Ewropej, ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr u konservazzjoni tal-orgni fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej f’Marsaxlokk.
Dan se jassigura li l-ħoss ta’ dal-orgni jissaħħaħ u jkun jista’ jitgawda aħjar minn kull min iżur il-knisja.
Waqt żjara fis-Santwarju, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li dan il-proġett huwa parti minn proġett ikbar li jinkludu numru ta’ lokalitajiet fil-gżejjer Maltin, li se jħares il-konservazzjoni u protezzjoni tal-wirt kulturali.
Huwa stqarr: “Dawn huma fondi li qegħdin ninvestuhom fil-qalba tal-lokalitajiet li minnhom mhux biss qegħdin nagħmlu dan ix-xogħol ta’ restawr iżda investiment propju għall-benefiċċju ta’ dawn il-lokalitajiet.”
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi spjega kif dan il-proġett sar b’mod metikoluż u rrekjeda ħafna paċenzja u attenzjoni. Huwa qal li dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju wkoll għal min isegwi l-quddies minn din il-knisja għaliex isebbaħ l-esperjenza tal-quddiesa.
Huwa qal, “Dan l-orgni għandu jgħin ħafna biex kull min jiġi hawn jista’ jipparteċipa b’mod sħiħ u fl-istess waqt dan ukoll iservi ta’ apprezzament għal min jiġi hawn, għall-poplu kollu ta’ Marsaxlokk u anke għall-poplu Malti li aħna qed nieħdu ħsieb bħala knisja, ir-restawr u l-ħarsien tal-patrimonju li għandna.”
Fl-istess Parroċċa, bħalissa qegħdin jiġu rrestawrati żewġ pitturi b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.