Fil-Parlament, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, ta rendikont dettaljat tal-ħafna xogħlijiet kapitali li twettqu fl-aħħar snin fl-inħawi tal-Marsa, il-Ħamrun, il-Furjana, u l-Belt Valletta, li b’kollox ammontaw għal investiment ta’ iktar minn 47 miljun ewro.
Fil-Marsa, l-Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kungress Marjan, Triq Dom Mintoff, Triq Diċembru 13, Triq Aldo Moro, Triq il-Ħaddiema, it-triq li twassal għall-fabbriki fil-qasam industrijali, Triq il-Marsa, Triq Nicolo Isouard, Triq Moll il-Braken, Il-Moll tal-Pont, Il-Moll tal-Ħatab, Triq il-Ġerrejja, Triq is-Serkin, Belt il-Ħażna, Triq Ġuże Flores, Triq il-Pitkali, Triq il-Biċċerija, u Xatt iċ-Ċangaturi, filwaqt bniet pont pedonali fi Triq it-Tiġrija. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal ftit iktar minn 11-il miljun ewro.
Fil-Ħamrun, l-Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq Abela Scolaro, Triq Dun Nerik Cordina Perez, Triq Villambrosa, u l-Bypasa ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun, filwaqt li bniet pont għall-mixi u r-roti fil-Blata l-Bajda. Saru xogħlijiet ukoll fi Triq Karmenu Abela, Triq Ċensu Bugeja, Triq Atocia, Triq il-Vitorja, Triq Maitland, Triq il-Kbira San Ġużepp, u Triq il-Kappillan Mifsud. L-investiment totali ta’ dawn il-progetti ammonta għal 14.4 miljun ewro.
Fil-Furjana, b’investiment totali ta’ 5.3 miljun ewro, Il-nfrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kurċifiss, Triq Emvin Cremona, Triq l-Indipendenza, it-Telgħa ta’ Sa Maison, ħdejn il-Librerija Pubblika, Triq Vincenzo Dimech, Triq il-Kapuċċini, Triq San Franġisk, Triq San Tumas, Triq il-Miratur, Triq Pietro Floriani, Xatt it-Tiben, Triq San Publiju, Pjazza San Publiju, Triq Sarria, fuq il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb, kif ukoll fil-faċilitajiet tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben.
Fil-Furjana wkoll, il Grand Harbour Regeration Corporation wettqet diversi proġetti fosthom fi Ġnien tal-Mall, Triq l-Assedju, Vjal Nelson, Vjal ir-Re Dwardu, Pjazza Tritoni, u Ġnien il-Biskuttin. L-investiment totali ta’ dawn ix-xogħlijiet ammonta għal 13-il miljun ewro.
Fil-Belt Valletta, b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro, l-Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet fi Triq l-Ifran, Triq il-Kavallier, Triq Żekka, Triq San Duminku, Triq San Pawl, Triq l-Arċisqof, Xatt Lascaris, Triq San Kristofru, Triq il-Merkanti, u Triq it-Tramuntana. Barra minn dan, bniet il-Fast Ferry Terminal għas-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex, għamlet l-ewwel fażi tal-proġett f’Marsamxett biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-passiġġieri li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport bil-lanċa, irranġat l-iskall f’Xatt il-Barriera li jintuża mid-dilettanti tar-Regatta, u rrestawrat il-breakwater tal-Port il-Kbir taħt il-Forti Sant’ Iermu.
Il-Ministru Aaron Farrugia fakkar li, minbarra dan ix-xogħol kollu, fil-Marsa sar l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt sar fit-toroq ta’ pajjiżna, il-Marsa Junction Project, b’investiment ta’ 70 miljun ewro. Permezz ta’ dan il-proġett tnaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-ajra fl-iżjed żona li minnha jivvjaġġaw nies, tul ir-rotta ewlenija minn u lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Fl-istess ħin, fost proġetti oħrajn li għaddejjin bħalissa fl-inħawi tal-Marsa, il-Ħamrun, il-Furjana, u l-Belt Valletta, l-Infrastructure Malta qed twettaq il-Grand Harbour Clean Air Project. Dan huwa investiment ambjentali ta’ 50 miljun ewro li jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ sabiex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu biż-żejt tal-gass jew biż-żejt tqil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt.
Permezz ta’ dan il-proġett se jonqos b’90 fil-mija t-tniġġis tal-ajra kkawżat minn dawn il-vapuri u b’hekk l-Infrastructure Malta qed tagħti arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.