Il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta se jkunu qed jibbenefikaw minn kważi €45 miljun li minnhom €33 miljun huma ffinanzjati mill-fondi tal-UE.
L-Awtorità Responsabbli fil-fatt approvat tliet proġetti għall-Forzi Armati ta’ Malta ivvalutati aktar minn €43 miljun, taħt il-programm 2014-2020 Fondi tas-Sigurtà Interna (FSI), immirati lejn it-tisħiħ tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskju.
Tnejn minn dawn il-proġetti, taħt il-Fondi Intern tas-Sigurtà (Fruntieri u Viżi), jinkludu:
L-akkwist ta’ bastiment ġdid għall-“Offshore Patrol” b’valur ta’ kważi €34 miljun
Titjib fil-kapaċità ta’ reazzjoni tal-OPV P6 b’valur ta’ ’l fuq minn €7.5miljun
Proġett ieħor se jara ir-rispons tal-provvista ta’ vettura b’emissjonijiet baxxi EOD / IEDD kompluta b’robot u tagħmir anċillari, taħt il-Fondi tas-Sigurtà Interna (Kooperazzjoni tal-Pulizija) 2014-2020, u li jiswa kważi €1.8 miljun.
Ir-raba’ proġett huwa għall-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li jinvolvi Programm Multiannwali f’operazzjonijiet ta’ ritorn sfurzat, taħt il-fond tal-Ażil, Migrazzjoni u Fond ta’ Integrazzjoni 2014-2020, li jiswa aktar minn €1.2 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Ian Borg, qal li dan il-Gvern kien impenjat jaċċerta iżjed fondi kemm dawk lokali kif wkoll minn programmi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li huwa fundamentali li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti ssir fiż-żmien stipulat sabiex naċċertaw li ma jintilef xejn minn dawn il-fondi Ewropej. Il-membri tal-Pulizija u tal-Forzi Armati jinsabu impenjati biex jagħmlu dan.