It-taraġ għall-aċċess pedonali li huwa rotta popolari użata minn ħafna biex jaqsmu mit-tarf ta’ fuq taż-żona residenzjali tal-Balluta sal-Bajja ser jinbidlu fi spazju li jiġbed l-għajn permezz ta’ investiment ta’ €450,000 mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, Aaron Farrugia, li ħabbar dan il-proġett stqarr kif permezz ta’ investiment massiċċ minn dan il-fond triq u turġien li ma kellhom ebda valur estetiku issa ser ikunu qed jingħataw il-ħajja.
Qal kif dan il-fond li sa mill-bidu permezz tiegħu ġew iffinanzjati ’l fuq minn 140 proġett b’total ta’ ħmistax-il miljun ewro, juri l-mod ġdid li bih dan il-Gvern irid isebbaħ il-pajjiż.
Qal, “Huwa l-mod ġdid ta’ kif qed insebbħu lil pajjiż, il-pajjiż, iz-zoni urbani ta’ fejn ħafna nies jgħixu u allura dawn il-fondi qed jgħinu l-kunsill lokali sabiex ħafna minnhom b’fondi totali ta’ mija fil-mija jkunu jistgħu jiffinanzjaw proġetti bħal tal-lum.”
Il-proġett ser jinkludi skema ta’ tisbiħ u tneħħija tal-inklinazzjoni qawwija fit-taraġ eżistenti permezz ta’ arranġament ġdid ta’ terazzin li jsegwi l-kontorni tas-sit.
Dan filwaqt li ser isir ukoll sistema sabiex jgħaddi l-ilma tax-xita, pavimentar li ma jiżloqx u bankijiet ġodda.
Dan filwaqt li t-taraġ ser ikun attrezzat ukoll b’chair lift.
Is-Sindku ta’ San Ġiljan stqarr kif permezz ta’ dan il-fond ser ikun qed isir investiment massiċċ fuq it-taraġ ta’ Joe Attard Kingswell li mhux biss ser jgawdu minnhom ir-residenti tal-lokali iżda l-pajjiż kollu.
Spjega, “Dan huwa proġett li mhux ser igawdi biss ir-resident ġiljaniż iżda wkoll anke t-turist li jiġi fostna. San Ġiljan kulħadd jaf li huwa l-mekka, waħda mill-vetrini tat-turiżmu tagħna u allura investiment bħal dan ser jibbenefika mhux biss ir-resident li sintendi jgħix hawnhekk iżda wkoll it-turist u allura l-pajjiż kollu.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba ħabbar kif b’kollox ser ikunu qed isiru ħames proġetti ta’ tisbiħ fl-urban b’investiment minn dan il-fond.
Fil-Mosta, l-Awtorità ser tinvesti biex jiġu rranġati żewġ ġonna pubbliċi u biex isir pavimentar ġdid ta’ sqaq pedonali viċin il-grawnd tal-futbol.
Qalet, “Din id-darba rnexxielna nibbenefikaw minn żewġ proġetti differenti, għandna żewġ embellishments inkluż l-installazzjoni ta’ parkour equipment li ħa jkun ‘fully certified’, filfatt bħala kunsill lokali Mosta fuq żewġ proġetti aħna ser inkunu qed nibbenefikaw total ta’ 330,000 ewro.”
L-Awtorità tal-ippjanar ser tkun qed tiffinanzja proġett ieħor ta’ €95,000 għar-rikostruzzjoni ta’ passaġġ ġdid tul Triq il-Kappillan Mifsud fil-Ħamrun.
Dan filwaqt li f’Għawdex ser jingħataw €40,000 għal xogħlijiet ġodda ta’ pavimentar u tisbiħ fi Triq il-Kunċizzjoni, fil-Qala.