Dewmien f’każ wassal lill-Qorti biex tordna kumpens ta’ €42,000 wara li l-każ dam 19-il sena quddiem il-Qorti.
Michael u Monaco Debarro kienu fittxu lill-Avukat tal-Istat is-sena l-oħra u argumentaw li minħabba dewmien kienu sofrew danni hekk kif kellhom iħallsu numru ta’ interessi wara li tilfu każ ċivili. Dan wassal biex il-koppja spiċċaw jaffaċċjaw piż finanzjarju sostanzjali.
Il-każ kien beda f’Marzu tas-sena 2000 u l-appell ġie deċiż lura fl-2019, dsatax-il sena u tmintax-il ġurnata wara. Il-Qorti rat li ż-żmien ta’ sitt snin sabiex tinġabar l-evidenza ma kienx ġustifikat u li tliet snin ta’ stennija għad-deċiżjoni fi stadju ta’ appell kien żmien twil wisq.