Eluf ta’ persuni daħlu bejniethom erba’ miljun ewro meta fl-aħħar jiem irċivew fil-posta ċ-ċekk bir-rifużjoni tat-taxxa mħallsa żejda fuq xiri ta’ karozzi fi żmien Gvern Nazzjonalista. Kienu 6,196 li applikaw biex jitħallsu ta’ dak li ħallsu żejjed fl-2005 biċ-ċekk jasal għandhom fl-aħħar jiem. Persuni differenti rċivew ħlasijiet differenti li jlaħħqu l-mijiet ta’ ewro.
Hekk il-gvern se jkun irrifonda taxxa żejda li nġabret minn sidien ta’ vetturi li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2005. Dan wara li kienu tħallsu €110 (għal min għandu vettura) u €55 (għal min għandu mutur) li diġa’ tħallas lura fl-2014 meta din l-iskema ġiet mħabbra għall-ewwel darba fl-istess sena.
Il-persuni eliġibbli għal din l-għotja kollha ser jirċievu l-pagament tagħhom din il-ġimgħa permezz ta’ ċekk.
Dan il-ħlas sar kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali fejn kull min xtara vettura bejn l-2004 u l-2008 qed jingħata għotja għall-ħlas żejjed tal-vettura, liema ħlas dak iż-żmien kien impost bħala mezz ieħor ta’ introjtu ta’ taxxa minn fuq il-poplu. Din is-sena tħallas lura l-kumplament li nġustament l-individwi kienu ħallsu fuq dawk il-vetturi li kienu nxtraw u ġew irreġistrati matul is-sena 2005.
Il-gvern huwa kommess li jadotta l-istess proċess għas-snin konsekuttivi għall-vetturi rreġistrati sas-sena 2008 u sakemm il-pagamenti kollha lill-applikanti eliġibbli jkunu tħallsu
Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali din il-proposta kienet waħda li qajmet dibattitu sħiħ. Esponenti tal-Partit Nazzjonalista qatt ma riedu li din ir-rifużjoni titħallas lura u fost dawk li opponew din il-proposta kien hemm il-membru tal-Parlament ewropew Roberta Metsola u l-eks Ministru tal-Finanzi u deputat nazzjonalista, Toni Fenech.
Iżda, l-iktar li kienet spikkat kienet id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
F’artiklu bit-titlu Why Labour Risks a Bailout kien kiteb: “Among the more expensive promises are its commitment to refund VAT and car registration tax to about 18,000 regardless of the outcome of an impending court case. This bill would run into tens of millions of euros.”
Fi kliem ieħor intqal li din kienet waħda mill-proposti li minħabba fihom pajjiżna kien se jfalli u jitlob bailout. Minflok, illum, filwaqt li din il-proposta qed tkun attwata pajjiżna għandu l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u naqqas id-defiċit f’livelli rekord.