Fi tliet snin, id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għamel investiment ta’ €400,000 f’makkinarju biex pajjiżna jkun aktar nadif.
Għall-ewwel darba qed isiru laqgħat regolari mal-istakeholders kollha involuti, flimkien ma’ kunsilli lokali, li żgur matul ix-xhur tas-sajf ma jistgħux ilaħħqu waħedhom ix-xogħlijiet ta’tindif.
Fil-fatt, fil-ġranet li għaddew, id-Direttorat wasal fi ftehim mal-kunsilli lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa tal-Monti biex ikun hemm koperazzjoni fit-tindif ta’ wara l-monti f’diversi lokalitajiet, sistema li trid tiġi reveduta biex ikun hemm regoli ċari għall-bejjiegħa tal-monti.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura ħabbar dan waqt seminar organizzat mid-Direttorat għat-Tindif, fejn ħabbar ukoll li wara diversi xhur ta’ taħdidiet, se jkun qed jiġi ffirmat ftehim ma’ Malta Public Transport, sabiex jibda jsir it-tindif mid-Direttorat għat-Tindif fil-venda tal-karozzi tal-linja tal-Belt Valletta, bil-possibiltà li dan jiġi estiż għal diversi vened oħrajn kemm f’irħula jew żoni ta’ park and ride. Barra minn hekk, id-Direttorat għaddej f’diskussjonijiet dwar tindif fiż-żoni industrijali tal-Malta Industrial Parks.
Permezz tad-Direttorat, il-Ministeru introduċa wkoll sistema ta’ kameras f’żoni li jattiraw ammont illegali ta’ skart. Dan is-servizzi ġie estiż għal subways pubbliċi, u din is-sena se jkun qed isir upgrading fis-subways biex il-pubbliku jitħajjar jużahom aktar.
Matul dawn l-aħħar tliet snin, id-Direttorat għat-Tindif investa f’iktar minn 150,000 kontenitur tal-iskart, f’madwar 1,400 wheelie bins u 400 kontenitur tal-faħam għal fuq il-bajjiet. Din is-sena se jiżdiedu b’500 kontenitur ieħor. Żdiedu wkoll in-numru ta’ slielem tul il-kosta, għal 270 sellum.
Illum il-pubbliku, meta jilmenta, jista’ jagħti biss code li jkun imwaħħal mas-sellum. Dan is-sajf se jkunu qed jitqassmu ash tray receptables fuq il-bajjiet, f’postijiet turistiċi kif ukoll f’żoni pedonali u prominenti. Barra minn hekk, inxtrat magna speċjalizzata sabiex jinħaslu l-kontenituri tal-iskart fuq il-bajjiet b’iktar frekewenzi spissi, u se jiddaħħal kunċett ġdid ta’ tindif, dak ta’soda blasting biex jitneħħew graffiti, u tindif ta’ bankini u żoni pedonali minn żjut ta’karozzi.
Il-Ministru fakkar fil-kampanja ‘Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek?’ li permezz tagħha kien hemm parteċipazzjoni wiesa’ f’diversi fieri, attivitajiet, u fl-iskejjel. Qal ukoll li llum il-ħidmatferrxet madwar il-pajjiż kollu, meta n-naħa ta’ isfel kien minsi fi żmien preċedenti. “Dħalna bis-saħħa sabiex innaddfu żoni li għal numru ta’ snin kienu abbandunati, bħall-foss ta’ Ħaż-Żabbar, iż-żona industrijali Kordin, Manoel Island u oħrajn.”