B’allokazzjoni ta’ €400,000, il-pubbliku se jkun jista’ jibbenefika minn skema għall-istallazzjoni ta’ ħġieġ doppju jew triplu tat-twieqi u għall-iżolazzjoni tas-soqfa. Il-ħsieb wara din l-inizjattiva huwa li jkun hemm użu aktar sostenibbli tal-enerġija.
L-iskema tħabbret mill-Ministru responsbabli mill-Enerġija, Miriam Dalli, u mill-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, l-Inġinier Marjohn Abela.
B’din l-iskema, il-Gvern se jirrifondi 50 fil-mija tal-ispiża eliġibbli, sa massimu ta’ €1,000. B’hekk, l-iskema se tkopri għajnuna sa massimu ta’ €1,000 fuq modifika retroattiva biex isir il-ħġieġ doppju jew triplu u għajnuna massima ta’ €1,000 fuq modifika retroattiva għall-iżolazzjoni tas-soqfa.
L-Inġinier Abela spjega li, permezz ta’ għotja fuq ix-xiri ta’ sistemi għall-użu domestiku, se tingħata l-għajnuna biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.
“Il-familji, apparti l-għotja, li taf tkun sa massimu ta’ elfejn ewro, se jiffrankaw ukoll mill-kont tal-elettriku għax se jkunu qed jikkunsmaw anqas enerġija sabiex ikessħu jew isaħħnu d-djar tagħhom.”
Intqal li wara li l-pubbliku wera interess fl-iżolazzjoni tas-soqfa u fil-ħġieġ doppju jew triplu, il-Gvern ħaseb biex, permezz ta’ din l-iskema, jissussidja djar antiki eżistenti li m’għandhomx din it-tip ta’ protezzjoni. Din l-iskema hija miftuħa għal min diġà għandu l-bejt u l-aperturi lesti u jrid jibdilhom.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jwettaq il-viżjoni tiegħu lejn id-dekarbonizzazzjoni.
“Skemi bħal dawn ikunu qed jgħinuna wkoll biex inkomplu bil-mixja tagħna ħalli nilħqu l-miri li għandna ta’ enerġija rinnovabbli, ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u, finalment, il-miri tal-klima. Naf kemm hawn persuni u familji interessati li jinvestu anke f’roof insulation u double u triple glazing biex, l-ewwel nett innaqqsu l-konsum tal-enerġija fid-djar tagħhom, u allura jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.”
Wieħed jista’ japplika għal din l-għotja permezz tal-formola li tinsab fuq is-sit elettroniku tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma. L-Applikazzjonijiet għal din l-iskema se jintlaqgħu bejn is-16 ta’ Ġunju u l-aħħar tas-sena 2022.