Fil-Parlament instema’ kif fiċ-ċentru tal-politika ta’ Gvern Laburista hemm l-ħarsien tal-annimali flimkien mal-interess ekonomiku ta’ dan is-settur, kif wera’ biċ-ċar il-Budget għas-sena d-dieħla.
Dan intqal mill-Ministru għall-Agrikolutura, s-Sajd, l-Ikel u l-Ħarsien tal-Annimali, Anton Refalo waqt l-estimi finanzjarji tal-istess Ministeru: “B’unur ngħid illi minkejja id-dell pandemija li baqgħet taħkem id-dinja, komplejna mhux biss nirkupraw minn dak li tellfitna l-istess pandemija iżda komplejna ukoll nimxu ‘l quddiem f’ambjent ta’ normalità.”
Il-Ministru Refalo ta ħarsa lejn dak li sar f’din l-aħħar sena fejn fost l-oħrajn l-istess Ministeru żdiedlu l-portafoll tal-ikel.
Hawnhekk huwa aċċenna kif it-twaqqif tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel u t-tnedija tal-Politika Nazzjonali għall-ikel qed jipprovdu soluzzjonijiet għas-salvagwardjar tas-setturi u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Barra minn hekk, tenna kif tul l-aħħar sena tnediet l-istrateġija Nazzjonali għall-Biedja Organika bl-introduzzjoni ta’ inċentivi finanzjarji.
Rigward is-sajd, il-Ministru Refalo innota l-ħidma tal-Gvern b’risq il-protezzjoni tas-sajjieda Maltin minn dawk barranin fl-ibħra internazzjonali, anki permezz ta’ djalogu lil hinn minn xtutna.
Intant fil-Parlament tkellem ukoll id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef, li rrimarka li l-Budget mressaq jagħti stima lis-sajjieda u lil dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur: “Mill-estimi nagħrfu nuru stima b’mod partikolari lis-sajjieda, il-ħarsien tal-annimali u kull min jinvesti fl-agrikoltura ta’ pajjiżna.”