L-2019 kienet waħda rekord għall-industrija tal-films f’pajjiżna hekk kif id-dħul mill-produzzjonijiet barranin ħallew mal-€40 miljun fl-ekonomija Maltija fosthom fi ħlas ta’ pagi għall-ħaddiema Maltin.
Dan id-dħul jammonta għal kważi erba’ darbiet iktar mis-sena li għaddiet u kważi d-doppju tas-sena 2017.
F’intervista ma’ ONE News il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-2019 mhux biss kienet sema impenjattiva iżda waħda ta’ suċċess.
Qal li bis-saħħa tal-inċentiv fiskali li jagħti rifużjoni sa 40% tal-ispejjeż għal dawk li jiddeċiedu li jipproduċu l-films fil-gżejjer Maltin, matul din is-sena kienu 21 produzzjoni barranija li għażlu lil Malta.
Is-Sur Grech stqarr: “F’pajjiżna kellna sena tajba għall-industrija tal-films. Attirajna 21 produzzjoni kemm films u tv series u attirajniehom minn diversi postijiet tad-dinja; l-Amerika, l-Ingilterra, l-Ġermanja, l-italja, l-Olanda u oħrajn. Din is-sena fl-ekonomija tal-pajjiż għamilna madwar 40 miljun ewro li marru fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Erba’ darbiet iktar mis-sena li għaddiet u darbtejn iktar mis-sena ta’ qabel.”
Il-Kummissarju tal-Films spjega kif l-industrija tal-films m’għadhiex taħdem bl-iskossi hekk kif l-ammont ta’ produzzjonijiet li jagħżlu lil Malta żdiedu drastikament. Huwa sostna: “Qed nara l-industrija tibqa’ taħdem u mhux taħdem bl-iskossi fejn ħafna produzzjonijiet qed jiġu back to back u għalhekk aktar nies qed jaħdmu f’din l-industrija u jkomplu jaħdmu tul is-sena kollha.”
Fost il-21 produzzjoni li għażlu lil Malta fl-2019 kien hemm il-ġgant fl-industrija tal-films Netflix. Is-Sur Grech kompla jispjega: “Kellna l-Netflix fejn għall-ewwel darba għażlu lil Malta sabiex jiffilmjaw il-produzzjoni tagħhom fil-watertanks ġewwa l-Malta Film Studios u attirajna wkoll TV series oħrajn bħal Das Boot, produzzjoni Ġermaniża. Attirajna tv series Ingliża, Agatha Christie.”
Is-Sur Grech temm jgħid li l-Kummissjoni tal-Films se tibqa’ taħdem qatigħ biex tattira iktar produzzjonijiet, filwaqt li tkompli ssaħħaħ l-investiment kbir fl-infrastruttura u fit-talent lokali biex din l-industrija li tkun waħda t’eċċellenza u sostenibbli.