Wara l-introduzzjoni tal-linja 1579 u r-riforma tas-saħħa mentali fl-aħħar xhur, issa l-Gvern qed iniedi skema li se tara l-introduzzjoni ta’ kampanja t’għarfien u taħriġ tal-ewwel t’għajnuna għall-isfidi ta’ saħħa mentali offruti mill-kunsilli lokali.
Ingħad kif dan l-investiment ta’ €4.5 miljun f’għajnuna b’xejn lir-residenti se jibda fix-xhur li ġejjin b’sejħa lill-kunsilli.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal kif is-servizzi, li qed ikunu proposti huma servizzi ħolistiċi li hemm bżonnhom hekk kif nofs is-soċjetà tagħna tbati minn xi kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
Semma kif is-servizzi se jkunu qed jingħataw fuq tliet binarji, bl-aktar importanti jkun il-Mental Health First Aid, servizz li jingħata fi gruppi biex jiżdied l-għarfien fejn anke jħarrġu lill-persuna kif tirreżisti l-isfidi ta’ saħħa mentali.
Il-proposti l-oħrajn, li ġew imsemmija, huma li dawk li se jingħataw f’sezzjonijiet individwali bejn il-pazjent u l-professjonist b’mod dirett, kif ukoll se jissaħħaħ aktar is-servizz telefoniku tal-1579, li issa se jibda jara li, minbarra li wieħed iċempel hu stess, se jibdew iċemplu lill-persuni l-professjonisti stess, li jkunu ngaġġati mill-kunsilli.
Il-Ministru qal li l-Ministeru għas-Saħħa se jkun ir-regolatur biex jara li dawn is-servizzi jkunu qed jingħataw b’mod sigur u bl-aħjar mod possibbli.
Tkellem aktar dwar dawn is-servizzi li qed jiġu offruti, b’mod speċjali s-servizz tal-1579, li kemm ilu li nbeda mill-2022, madwar 17,000 persuna kienu mgħejjuna.
“Aħna b’din l-inizjattiva l-ġdida, nixtiequ li s-servizzi, għax dawn huma servizzi ġodda issa, jersqu fil-komunità. Il-proposti naħsbu li huma ħolistiċi, fejn għandna inizjattivi li qed nissuġġerixxu għall-gruppi, imbagħad hemm inizjattivi one-to-one, fejn anke l-professjonist iċempel lill-persuna flok il-persuna ċċempel lill-professjonist.”
Jo Etienne Abela, MP
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar il-fatt li, hekk kif aħna Ilkoll konxji mis-saħħa mentali, hu tajjeb li meta wieħed jitlob l-għajnuna, issa permezz anke tal-kunsilli, is-servizzi offuti se jkunu fil-viċinanzi tar-residenti.
Qalet li l-kunsilli se jkunu qed joffru tali servizzi minn professjonisti apposta mill-binjiet tagħhom stess jew minn postijiet oħrajn speċifiċi, flimkien ma’ servizz onlajn jew telefoniku.
“B’kollaborazzjoni mal-Ministeru tas-Saħħa, il-kunsill lokali issa se jkun f’pożizzjoni, b’aktar għodda, biex iħaddem dan is-servizz u jkompli jgħin lir-residenti tiegħu u jkompli joffri ħajja ta’ kwalità tajba fil-lokalitajiet biex ikollna komunitajiet aktar b’saħħithom.”
Alison Żerafa Ċivelli, Segretarju Parlamentari