Il-Gvern ħabbar allokazzjoni ta’ kważi erba’ miljun u nofs ewro f’għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala Maltin u Għawdxin.
Din l-għajnuna se tingħata minħabba l-għoli fil-prezz tal-ġwież ikkawżata mill-pandemija u mill-effetti tal-kunflitt fl-Ukrajna, kif ukoll l-għoli fil-prezz tal-fertilizzant għall-bdiewa.
F’konferenza tal-aħbarijiet minn razzett tal-baqar f’Ta’ Kerċem, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo spjega kif fi tliet snin il-Gvern Malti se jkun ta mat-tnax-il miljun u nofs ewro f’għajnuna lill-bdiewa u raħħala.
Dawn il-fondi se jitqassmu f’miljun u nofs ewro għall-bdiewa tal-art, żewġ miljun u nofs ewro għar-raħħala u f’April li ġej se tkompli għal sena oħra l-iskema għall-benesseri tal-majjal b’allokazzjoni ta’ erba’ mija u sitta u erbgħin elf ewro.
Għall-iskemi mħabbra mistennija li jintbagħtu l-applikazzjonijiet lil kull min hu eliġibbli, bil-posta sax-xahar id-dieħel.
F’kummenti li ta, ir-raħħal Għawdxi Toni Cassar, spjega l-isfidi li affaċċjaw u grazzi għal Gvern Laburista dawn ittaffewlhom.
Qal, “Minn sena l’hawn il-prezz tal-għalf u l-ġwież tal-baqar għola d-doppju u ma stajniex nibqgħu sejrin hekk għax il-prezz għola u l-ispejjeż kibbru.”
Il-Ministru Anton Refalo spjega li din mhijiex l-unika għajnuna għall-bdiewa.
Qal, “Qegħdin naraw li dawk il-pagamenti diretti ta’ sussidju illi jingħataw mill-Ewropa, dawn kemm jista’ jkun jitħallsu malajr. Fil-fatt ir-raħħala u l-bdiewa tagħna diġà qed jirċievu s-sussidju tat-tadam b’hekk aħna nsolvu l-problemi tal-cashflow illi jkollhom.”
Il-pagamenti t’għajnuna qed jitwettqu aktar kmieni minn snin preċedenti biex jagħtu sostenn ulterjuri fis-sitwazzjoni kurrenti.