Somma ta’ €355,000 qegħdin jitgawdew fil-qalba ta’ tliet lokalitajiet li ħolqu jew sebbħu spazji pubbliċi f’żoni urbani.
Id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali, Natalino Attard spjega kif total ta’ 25 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali differenti ġew sottomessi għal din l-iskema, fejn wara perjodu ta’ evalwazzjoni ntgħażlu tlieta.
It-tliet proġetti magħżula huma fil-Ħamrun, Tas-Sliema u l-Mellieħa.
Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut spjega magħna kif permezz tal-iskema, inħoloq spazju pubbliku mill-ġdid fejn qabel kien hemm parkeġġ.
Minkejja l-ħolqien ta’ dan l-ispazju l-parkeġġ mexa għal biswit il-ġnien biex b’hekk inħoloq bilanċ.
“Bażikament ħloqna dan l-ispazju ġdid t’hawnhekk. Fejn qegħdin aħna hawnhekk kien parkeġġ ta’ sitt karozzi illi permezz ta’ immaniġġjar ta’ traffiku aħjar dawn mexxejnihom fl-istess triq u b’hekk stajna noħolqu spazju ġdid fejn in-nies tagħna jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin.”
Christian Sammut, is-Sindku tal-Ħamrun
Il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, José Herrera stqarr kif il-ħsieb wara l-iskema huwa li jinħolqu pulmuni f’żoni urbani fejn mhux biss isebbħu l-madwar iżda jgħollu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jqattgħu l-ħin ta’ mistrieħ fihom.
Huwa saħaq ukoll kif din l-iskema tikkumplimenta skemi oħra li huma parti mill-viżjoni tal-Gvern intiżi biex joħolqu aktar spażji rikreattivi u ta’ kwalità madwar il-pajjiż.
“Pereżempju ħriġna skema, b’ammonti sostanzjali biex irranġajna l-bandli fl-ibliet u l-irħula tagħna. Kellna skema li ngħidula ‘Slow Streets’ jiġifieri illi żoni fejn ninvestu fit-toroq u ma jkun hemm dak it-traffiku kollu.”
José Herrera, Ministru