Il-fond li permezz tiegħu tingħata għajnuna lill-industrija lokali tal-films qed jingħata aktar għajnuna bil-għan li jiżdiedu l-produzzjonijiet lokali bis-saħħa ta’ żieda ta’ ħamsin elf ewro fl-iskema tal-Malta Film Fund.
Din s-sena dan l-fond li jagħti għajuna lill-produzzjonijiet lokali se jkun ta’ tlett mija u ħamsin elf ewro.
Il-Fond tnieda f’konferenza tal-aħbarijiet f’ċinema u studios privati mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech li spjega kif din is-sena bid-differenza għas-snin l-imgħoddija, ser jinħarġu żewġ sejħiet.
Is-Sur Grech qal li l-mira ewlenija tal-Kummissjoni tal-Films hija li apparti li tiġbed lejn pajjiżna l-films li jwasslu għall-iżjed flus fl-ekonomija Maltija, hu li permezz ta’ dan il-fond tgħin lit-talent lokali jiżviluppa l-ħiliet u eventwalment il-produzzjonijiet tiegħu.
Apparti dan il-fond it-Tlieta filgħodu ġiet inawgurat ukoll film studio f’ Birkirkara dan bil-għan lill-produtturi tal-films jkunu jistgħu jiflu xogħolhom sew qabel dan joħroġ għal wiri.
Raymond Grech, is-sid tal-kumpanija tkellem dwar il-bidla li ra l-industrija tal-films f’dawn il-ħamsin sena li ilu involut.
Huwa qal kif issa l-produtturi għandhom l-għodda meħtieġa biex jimirħu fis-settur anke permezz ta’ dan il-fond.
Is-Sur Grech qal li għall-ewwel darba ser ikun qed japplika biex jagħmel użu minn dan il-fond hekk kif ser tkun l-ewwel esperjenza tal-kumpanija tiegħu fil-produzzjoni tal-films.