Kienet parti minn dak magħruf bħala l-Collachio, jiġifieri żona ristretta għall-Kavallieri.
Il-Berġa ta’ Franza nbniet fil-bidu tal-ħakma tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta u llum hija d-dar tal-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Issa l-Kunsill Lokali tal-Birgu se jingħata €35,000 biex isir xogħol ta’ restawr f’din il-berġa.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha, is-Sindku tal-lokalità John Boxall spjega li din l-għajnuna finanzjarja tikkumplimenta xogħlijiet oħra li qed isiru fil-pjazza tal-Birgu, fosthom ta’ pavimentar.
Huwa qal, “Naturalment qed naħdmu biex din il-binja nagħtuha lura lin-Nazzjon. Ġiet fdatha f’idejna u huwa unur li l-Kunsill qed jopera minn binja storika ġo fih.”
Din hija wkoll viżjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li fi kliem iċ-Chairman, Gavin Gulia, trid li l-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex joffru prodott turistiku mill-aqwa biex ikollna turiżmu sostenibbli anke fix-xhur xitwin.
Huwa stqarr: “Għaliex ma jistax ikollok Turiżmu mingħajr ma jkollok x’turi lit-turisti. Il-prodott irid ikun imfassal b’mod u manjera li mhux ikollok it-turisti fis-sajf biss, imma jrid ikollok turiżmu għal matul is-sena kollha. Il-prodott storiku u kulturali jistimola turiżmu fix-xitwa wkoll.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Clayton Bartolo sostna: “Hija wkoll attrazzjoni turistika fil-belt rebbieħa biex ikollna turisti ta’ kwalità. Dan jifforma parti min-niċċa storika u kulturali li hija importanti biex nibnu l-prodott turistiku Malti għas-snin li ġejjin.”