Infrastruttura Malta se tkun qed tinvesti ħamsa u tletin miljun ewro fuq medda ta’ ħames snin sabiex jinbnew rotot ġodda għar-roti, biex b’hekk, kull min irid jagħmel użu minn dan it-trasport alternattiv, ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur.
Dan l-investiment se jkun akkumpanjat minn strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu moderna li se tiġi ffinalizzata mal-istakeholders fiż-żmien li ġej.
L-investiment jinkludi l-identifikazzjoni ta’ rotot ta’ bankini u infrastruttura għaċ-ċiklisti, sabiex dawn ikunu aktar kontinwi, diretti u siguri.
Apparti minn hekk, ix-xogħolijiet ivarjaw mill-irranġar u twessigħ ta’ bankini eżistenti flimkien ma’ infrastruttura li tikkumplimenta l-użu tat-trasport pubbliku fost l-oħrajn.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, li spjega kif dan l-investiment se jsir f’żona ċentrali biex wara jkompli jinfirex mal-pajjiż.
“Se niffukaw fuq iż-żona tal-Belt Valletta, il-Marsa u l-Imsida fil-bidu. Il-pjan tagħna huwa li nestendu dawn ir-rotot mal-pajjiż kollu, b’ħidma ta’ diversi snin.”
Huwa stqarr kif tul dawn l-aħħar erba’ snin, l-aġenzija bniet mal-għoxrin kilometru ta’ infrastruttura għal trasport alternattiv bħal roti u mixi. Minkejja dan, xorta waħda tinħass il-ħtieġa għal aktar investiment f’dan il-qasam, b’mod speċjali sabiex wieħed ikun aktar inċentivat jivjaġġa mingħajr il-karozza privata tiegħu.
Falzon temm jgħid kif investimenti bħal dawn iwasslu fil-bidla fil-mentalità li tant hemm bżonn dwar it-trasport.
“Jien naħseb li l-poplu Malti, għalhekk ngħidu infrastruttura għan-nies. Irridu noffrulu alternattiva li hija sigura, u naħseb li dan l-investiment, x’ħin isir, se jagħmilha iżjed attraenti għall-poplu tagħna biex jesplora modi alternattivi ta’ kif jasal minn post għal ieħor.”