Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ sħab soċjali u assoċjazzjonijiet dwar il-Fondi għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, tkellmu dwar il-pjanijiet li għandu pajjiżna għal irkupru immedjat u b’saħħtu mill-pandemija.
L-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet ta’ rkupru, b’total ta’ fondi ta’ 316.4 miljun ewro, huma msejsa fuq diversi riformi u investimenti li jridu jitlestew sa Awwissu ta’ erba snin oħra, fl-2026.
Minn dawn l-investimenti, 35 miljun ewro se jintużaw għal proġetti ta’ diġitalizzazzjoni, 5 miljun ewro għal proġetti f’kumpaniji żgħar u medji, u 10 miljun ewro għal proġetti li għandhom x’jaqsmu mas-settur turistiku u ma’ dak kulturali. Barra minn dan, 20 miljun ewro se jiġu investiti fi skema għall-binjiet, sabiex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Ir-riformi u l-investimenti f’dawn il-pjanijiet huma mmirati sabiex Malta ssir aktar sostenibbli, reżiljenti, u mħejjija aħjar għall-isfidi u għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Meta tkellem dwar is-settur privat, il-Ministru Schembri qal li dan jista jkun is-sinsla tal-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Huwa fisser kif l-ekonomija ta’ Malta, fi żmien il-pandemija, uriet kemm hija reżiljenti. Huwa ħeġġeġ lin-negozji u lill-intrapriżi biex jibdew iħejju għal investimenti ġodda li jistgħu igawdu minn dawn il-fondi u b’hekk isir l-aħjar użu minnhom , li mbagħad iwassal għal aktar tkabbir ekonomiku.
Il-Ministru Schembri innota li, matul l-aħħar snin, aktar minn qatt qabel, l-intrapriżi ħadmu biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u jħaffu t-tranżizzjoni diġitali tagħhom billi bdew jużaw iktar għodod ġodda sabiex l-operat tagħhom ikun aktar effiċjenti
Qal, “Irridu nippreparaw l-ekonomija għal-lum u anki għall-għada u għalhekk, issa li l-pandemija qiegħda warajna, issa rridu naraw kif nużaw fondi mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza li qiegħed ikun offrut lejn pajjiżna, sabiex anki l-industrija inġenerali tkun preparata kemm mill-aspett tal-qalba tad-digitalizzazzjoni kif ukoll il-qalba ambjentali. Qed inniedu proċess ta’ konsultazzjoni b’dawn l-iskemi, fejn se nkunu qegħdin nallokaw 35 miljun ewro, primarjament fuq żewġ skemi partikolari, li naraw li l-intrapriżi tagħna jkunu aktar effiċjenti mill-aspett ambjentali kif ukoll li naraw li l-qalba digitali li għandhom bżonn jagħmlu l-azjendi tagħna tkun waħda aktar spedita.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-Gvern ma qabadx u fassal l-iskemi hu, iżda għażel li jikkonsulta ma’ dawk kollha involuti bħas-sħab soċjali u l-assoċjazzjonijiet kollha. Huwa qal li, permezz tal-konsultazzjonijiet li saru, meta joħorġu dawn l-għotjiet għal Ġunju li ġej, se jkun akbar in-numru tal-ażjendi li se jkunu jistgħu japplikaw għalihom.
Qal, “L-iskop tal-laqgħa tal-lum kien proprju biex naraw kif, fil-pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, li għandna 38 target, li rridu nilħqu dis-sena biss, anki n-negozji jkollhom il-biċċa tagħhom. Il-pjan ta’ rkupru mhux ħa jaħdem jekk in-negozji mhux se jmorru għall-qalba diġitali u mhux se jattwaw għal ekonomija iktar ħadranija. Għalhekk, b’dawn il-grants li se noħorġu, se naraw kif 35 miljun ewro minn dan il-pjan jintnefqu proprju fuq dawn in-negozji, kbar u żgħar, li jmissu t-turiżmu u l-manifattura, fost oħrajn, biex naraw li nkomplu nagħmlu dik il-qabża li hemm bżonn u nkunu aktar kompettitivi.”