Massimo Bonello ta’ 45 sena ġie kkumpensat €32,537 wara li sofra diżabilità meta ntlaqat minn karozza waqt li kien qed isuq mutur mingħajr liċenzja. Kien Bonello li fetaħ kawża quddiem il-Qorti Ċivili b’rabta mal-każ li seħħ f’Ġunju tal-2013 fejn Bonello kien qed isuq mutur meta ntlaqat minn vettura misjuqa minn Glenn Spiteri ta’ 30 sena.
Il-Qorti semgħet liż-żewġ naħat fejn Spiteri qal li hu ma laqats lill-mutur u kien is-sewwieq tal-mutur li skiddja waħdu. Bonello argumenta kif Spiteri baqa’ ħiereġ minn Stop Sign u kien f’dak il-mument li laqtu.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ħadet inkonsiderazzjoni l-ġrieħi li ġarrab Bonello li kienu jindikaw il-gravità tal-inċident, liema ġrieħi ħallew lil Bonello sentejn f’siġġu tar-roti u b’diżabilità ta’ 20% f’irkopptu.
Kien għalekk li l-Qorti għażlet il-verżjoni ta’ Bonello, ibbażata fuq il-provi ppreżentati, fejn ordnat lil Spiteri biex jikkumpensah €32,537.