B’finanzjament mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili li huwa amministrat mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, 42 organizzazzjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili bbenefikaw minn total ta’ €324,324.60 f’għajnuna sabiex jibqgħu attivi fuq livell Ewropew.
F’ċerimonja li ttellgħet fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fil-Belt Valletta, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qassmet għotjiet finanzjarji lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet.
Dr Dalli qalet li l-gvern jirrikonoxxi l-importanza li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà ċivili f’pajjiżna.
“Aktar minn hekk, nirrikonoxxu l-bżonn li tifirxu l-kuntatti tagħkom barra minn Malta u tagħmlu networking fl-Ewropa biex anke taqsmu l-esperjenzi u żżommu ruħkom aġġornati ma’ dak li qed jiġri fuq livell Ewropew” qalet il-Ministru Dalli.
Kull organizzazzjoni hija intitolata għal 80% tal-ispejjeż kollha li tkun għamlet f’parteċipazzjoni f’fora, mhux biss lokali imma anki fuq livell Ewropew.
Is-Segretarju Permamenti tal-Ministeru Joseph Camilleri qal li l-Ministeru għaddej b’diskussjonijiet biex ikun simplifikat il-proċess li bih organizzazzjonijiet volontarji japplikaw għal dawn il-fondi.
Qal li diskussjonijiet simili qed isiru wkoll mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji dwar simplifikazzjoni fil-proċess tar-reġistrazzjoni għal għaqdiet volontarji ġodda.
Ritratt: DOI