Ġiet imħabbra skema ġdida, li se tipprovdi kumpens finanzjarju ta’ €320 lil sajjieda b’bastimenti rreġistrati biex, waqt is-sajdiet tagħhom, jikkollaboraw mar-riċerkaturi lokali.
Din l-iskema innovattiva għandha l-għan li tiffaċilita l-ġbir ta’ dejta minn fuq il-baħar f’ħin reali, billi tinvolvi direttament lis-sajjieda fil-proċess ta’ riċerka.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, sostniet li, b’dan il-pass, Malta qed tagħti eżempju ta’ kif il-komunità tas-sajd tista’ tkun parti integrali mill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi marittimi.
ONE News tkellem max-xjenzat Yorgen Mifsud dwar kif din l-iskema se tkun qed tagħti dimensjoni ġdida lir-riċerka fis-sajd u fl-akkwakultura.
“Din hi importanti ħafna, għax aħna niddependu ħafna mis-sajjied. Jiġifieri dak li jaqbad is-sajjied, aħna rridu nkunu nafuh bħala membru stat fl-Unjoni Ewropea biex finalment meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar policies eċċettra fil-fora Ewropej, aħna ninformaw l-Ewropa b’mod kostruttiv dwar is-settur f’Malta.”
Yorgen Mifsudl, Xjenzat
Is-Segretarju Parlamentari aċċennat li, flimkien ma’ Aquatic Resources Malta, qed ikomplu jaħdmu biex ir-riċerka ssir aktar inklussiva, trasparenti u parteċipattiva.
Permezz ta’ din l-iskema, aħna qed nattiraw lis-sajjieda biex jikkollaboraw flimkien fejn tidħol ir-riċerka dwar is-sajd u l-ħut. Se nkunu qed inħallsu lis-sajjieda €320 għal kull sajda biex, fl-aħħar mill-aħħar, din ir-riċerka ssir id f’id mas-sajjieda tagħna.”
Segretarju Parlamentaru, Alicia Bugeja Said
L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin mit-Tnejn, 12 ta’ Mejju, sas-Sibt, 17 ta’ Mejju li ġejjin, b’assistenza ta’ uffiċjali tal-Aquatic Resources Malta minn uffiċċji f’Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr, Għawdex.