Tul il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, inġabru kważi tliet miljuni u mitejn elf ewro waqt il-maratona ġbir ta’ fondi li saret b’risq Puttinu Cares, u li xxandret fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni.
Din il-maratona, li bdiet fid-disgħa u kwart ta’ filgħodu u baqgħet għaddejja sa nofsillejl, saret biex ikomplu jinġabru fondi b’risq nies li jiġu bżonn il-kura barra minn xtutna.
Tul il-jum, flimkien mal-bosta Maltin u Għawdxin li marru fl-istudios fejn kienet qed issir il-maratona biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom, mar ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, li f’messaġġ li għamel meta preżenta donazzjoni f’isem il-Gvern Malti, tenna l-appell dwar kemm hu importanti li wieħed jgħin lil Puttinu hekk kif il-Fondazzjoni twettaq ħidma sfieqa.
Il-Gvern Malti ta d-donazzjoni ta’ ħamsin elf ewro mill-Fond għall-Kawżi Soċjali.