Il-ħatriet kontroversjali tal-esperti fl-inkjesta tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella fuq il-pariri tal-Irlandiż Jeremy Harbinson, li issa qed jirrifjuta li jiġi jagħti x-xhieda tiegħu bħala l-moħħ tar-rapport li wassal għal kawżi kontra numru ta’ persuni u kumpaniji, qed ikomplu jqanqlu dubji serji.
Dan hekk kif l-espert ewlieni, li l-kumpanija tiegħu Harbinson Forensics Limited tħallset iżjed minn ħdax-il miljun ewro, issuġġerixxa u involva fl-istorja, li bdiet mal-ħames snin ilu, primarjament lil sħabu, skont in-netwerk u l-prinċipji ta’ favoritiżmu u nepotiżmu.
Fost dawn insibu lil Vincent Bradley, li ġie assenjat bħala espert tal-Qorti Maltija fit-2 ta’ Settembru tal-2020, fejn dak iż-żmien kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Director of Forensic Services mad-ditta tal-accountants ta’ Harbinson, bl-isem ta’ Harbinson Mulholland.
Skont is-suq Britanniku, din il-kariga ġġorr magħha salarju ta’ madwar €96,000. Iżda bil-laxkar u n-nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti fl-inkjesta tal-isptarijiet, Bradley iddeċieda li, wara sena u nofs, saħansitra jmur għal rasu u jkompli jaħdem fuq l-istess xogħol.
Mossa li ratu jibda jdaħħal it-tripplu ta’ dak li kien qed jitħallas sakemm kien għadu impjegat ma’ ħaddieħor.
Dan anke jekk, minn tagħrif li għandu ONE News, Vincent Bradley lanqas għandu l-kwalifiki neċessarji biex jagħmilha ta’ accountant forensiku, kariga li kull deskrizzjoni tesiġi li persuna tkun mhux biss gradwata fl-accountancy, imma preferibbilment ikollha kwalifiċi addizzjonali, bħal grad post-graduate.
Madankollu, Bradley, li studja għal tliet snin fl-Università ta’ Ulster, fl-Irlanda ta’ Fuq, ma kellu xejn minn dak mitlub mill-istandards internazzjonali jew anke l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.
Għaldaqstant hu ċar li Harbinson issuġġerixxa lil Vincent Bradley sempliċiment għax kien impjegat mal-eks kumpanija tiegħu tal-awdituri.
Minkejja dan, Bradley ma kienx wieħed ta’ subgħu f’ħalqu u, aktarx meta skopra xi ħlasijiet li kienu qed isiru fl-inkjesta tal-isptarijiet u kellu garanzija ta’ vit miftuħ, ħoloq il-kumpanija Bradley Forensics Ltd u, bl-għajnuna ta’ Harbinson, hu stmat li akkwista xejn inqas minn €314,000 mill-inkjesta.
Iżjed minn hekk, Bradley u Harbinson qattgħu numru ta’ snin jaħdmu mal-kumpanija Price Waterhouse Coopers, li kellha sehem ewlieni bħala konsulenta tal-promoturi li ngħataw il-konċessjoni fil-proġett tal-isptarijiet.
Konflitt ċar ta’ interess, għax la Harbinson u lanqas Bradley ma seta’ kellhom l-indipendenza neċessarja mill-materja mistħarrġa u l-imparzjalità li jesiġi l-Kunsill tal-Ewropa
Tali konflitt ukoll ġie rrimarkat diġà mill-avukati tad-Difiża fil-kawżi li nfetħu fil-Qorti bbażati fuq l-istess rapport tal-esperti mmexxija minn Harbinson.