F’maratona ta’ ħdax-il siegħa, li bdiet minn kmieni waranofsinhar, b’xandiriet diretti miċ-Ċentru Nazzjonali fil-Ħamrun, il-Partit Laburista rnexxielu jiġbor is-somma ta’ €308,783 mingħand il-poplu.
Din kienet l-aħħar ġabra ta’ fondi qabel l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, li se jsiru nhar is-Sibt li ġej, 8 ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni Laburista, deputati u l-kandidati, li qed jirrappreżentaw lill-Partit Laburista f’dan l-appuntament elettorali, ħadu sehem matul il-jum il-Ħadd u anke wieġbu għat-telefonati li bdew baqgħu deħlin il-ħin kollu mingħand iċ-ċittadini.
Din kienet it-tieni ġabra mill-Partit Laburista matul il-kampanja ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, wara dik li saret il-Ħadd 5 ta’ Mejju li għadda. Dakinhar inġabret is-somma ta’ €510,816, biex b’hekk, f’inqas minn xahar, il-poplu kkontribwixxa aktar minn €819,599 favur il-messaġġ u l-politika Laburista.
Il-kampanja tal-Partit Laburista se tagħlaq bil-kbir nhar il-Ħamis li ġej bil-kunċert b’xejn ‘Together in Concert’ fl-MFCC f’Ta’ Qali.