Il-Gvern investa mat-tliet mitt elf ewro f’erba’ vetturi speċjalizzati għal operazzjonijiet partikolari li jistgħu jseħħu f’Malta u f’Għawdex.
Waqt l-esebizzjoni ta’ din l-għodda ġdida, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjega li dawn il-vetturi se jintużaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Fosthom, hemm vettura li tista’ ġġorr diversi għodda sabiex jagħti appoġġ lis-soqfa f’każ ta’ bżonn, flimkien ma’ żewġ vetturi loġistiċi mgħammra b’tagħmir differenti li se jkunu stazzjonati f’Kordin u f’Għawdex.
Huwa spjega kif l-aħħar vettura hija dik li tagħmilha aktar faċli biex id-dipartiment jagħmel xogħlu fid-dlam: “Ovvjament il-vettura prinċipali li hija ta’ 60KVA. Dik se tkun stazzjonata ġewwa Ħal Far u se tintuża l-iktar meta jkollok inċidenti billejl u tkun trid sapport qawwi ta’ dawl.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sostna kif dan l-investiment mhuwiex wieħed iżolat hekk kif il-Ministeru jħabbar investiment fi ħdan l-istess dipartiment kważi kull xahar.
Huwa qal kif b’hekk il-Protezzjoni Ċivili ma baqax dipartiment tat-tieni klassi bħal ma kien taħt amministrazzjonijiet oħra.
Huwa tenna kif fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-investimenti fil-Protezzjoni Ċivili huma investimenti fis-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru Camilleri qal, “Il-Malti jgħid ‘aħseb fil-ħażin sabiex it-tajjeb ma jonqosx’. Dak huwa li nagħmlu fil-Ministeru tal-Intern speċjalment fejn jidħol il-Protezzjoni Ċivili biex naraw li s-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin tkun imħarsa f’kull mument, L-investiment tal-lum huwa mmirat sabiex il-Protezzjoni Ċivili tkun preparata fi kwalunkwe ħin fil-ġurnata anke billejl, li jkollha l-investiment kollu li hemm bżonn sabiex il-ħaddiema tagħha jkunu jistgħu isalvaw aktar ħajjiet.”