Ix-xatt tax-Xemxija se jiġi rriġenerat grazzi għal investiment ta’ €300,000, li fost l-oħrajn se jtejjeb l-esperjenza ġenerali ta’ kull min iżur l-inħawi.
Il-proġett se jinkludi wkoll l-installazzjonijiet ta’ dwal u bankijiet ġodda, titjib fil-pavimentar, l-installazzjoni ta’ aktar kontenituri tal-iskart u anke tisbiħ ambjentali.
Hu u jagħti dettalji tal-proġett, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-akbar rigal li l-Gvern jista’ jagħti huma spazji aċċessibbli biex igawdu. Dan apparti li l-proġett jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern biex Malta tkun preparata biex tibda’ tilqa’ t-turisti mill-ġdid b’mod sigur f’Ġunju li ġej.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “Dan kollu jorbot tajjeb ħafna mal-investimenti li nidejna tliet ġimgħat ilu, li laħaq is-seba’ mitt elf ewro. B’hekk, f’San Pawl il-Baħar, Buġibba l-Qawra u x-Xemxija qed ninvestu mal-miljun ewro biex nibdew nirriġeneraw din iż-żona turistika tant importanti għal pajjiżna. Ix-xogħol li nidejna llum diġà għaddej u mistenni jkun lest sas-sajf li ġej.”