Aġenzija Żgħażagħ nediet diversi fondi fi skemi għall-għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ jew għaqdiet li jaħdmu magħhom, kif ukoll għaqdiet mużikali tal-każini tal-banda.
Dawn l-iskemi jaraw żieda fil-fondi kull sena, u din is-sena, l-ammont totali jlaħħaq it-tliet mitt elf ewro.
L-iskemi A4U, BeActive, u t-Tagħlim ta’ Strumenti Mużikali, għandhom l-għan li jkomplu jkabbru l-ġid fil-komunità, bi proġetti li jsiru mill-għaqdiet volontarji.
Kull għaqda li tapplika tista’ tgawdi minn massimu ta’ erbat elef ewro.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza ta’ skemi bħal dawn biex għaqdiet volontarji taż-żgħażagħ ikollhom l-għodda u aktar riżorsi biex jaħdmu fi proġetti li jgawdu minnhom huma u l-komunità.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sat-23 t’Ottubru f’nofsinhar, u jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-siti elettroniċi, www.vofunding.org.mt jew www.youth.gov.mt.