Ħames entitajiet, il-GRTU, il-UĦM, il-GWU, l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem u l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi ngħataw total ta’ madwar €300,000 biex jestendu l-ħidma tagħhom fuq livell Ewropew.Il-fondi nħarġu mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. L-għajnuna ngħatat mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f’isem is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat.
Kull organizzazzjoni hija intitolata għal 80% tal-ispejjeż kollha li tkun għamlet f’parteċipazzjoni f’fora, mhux biss lokali imma anki fuq livell Ewropew.
L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) huma kkunsidrati bħala s-sinsla ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSO’s) jinkludu organizzazzjonijiet mhux governattivi (organizzazzjonijiet volontarji), organizzazzjonijiet lokali, koperattivi, Trade Unions, assoċjazzjonijiet professjonali, universitajiet, media u fondazzjonijiet indipendenti.