Il-Kaċċa u l-Insib illegali qed jagħmlu isem ħażin lill-kaċċaturi u n-nassaba stess li jimxu mar-regolamenti meta jipprattikaw id-deliżju tagħhom.
Din hija l-fehma tal-Qorti u r-raġuni għaliex il-Maġisrat Joe Mifsud weħħel piena għolja ta’ tlett elef ewro lil nassab.
Joseph Axiaq ta’ 63 sena instab ħati li nasab illegalment fil-limiti tal-Għarb Għawdex fi żmien meta l-istaġun tal-insib kien magħluq.
Il-pulizija identifikat u ħarrket lil Axiaq wara li wasal rapport għand il-puliżija mill-CABS akkumpanjat b’ filmat li wera’ l-attivita illegali tal-akkużat.
“Il-pieni għal min jabbuża huma deterrent biżżejjed u din il-Qorti se tkompli tibgħat messaġġ ċar li min jabbuża jrid iħallas”, saħaq il-Maġistrat Mifsud. Apparti l-multa, l-Qorti ordnat li l-liċenzji kollha tal-kaċċa u l-insib ta’ Axiak ikunu sospiżi għal sentejn.