L-organizzaturi tal-attivitajiet tal-massa li ma josservawx l-istandards imħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra, jistgħu jeħlu multa ta’ tlett elef ewro għal kull miżura li jiksru.
Dan tħabbar f’avviż legali ppubblikat illum mill-Gvern, fejn ġie spjegat li kull attività tal-massa organizzata għandha żżomm ma’ numru ta’ regolamenti.
Fost l-oħrajn, il-kapaċità massima ta’ dawk li jattendu m’għandhiex taqbeż persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri fl-ispazju fejn tkun organizzata l-attività.
Dawk li jattendu jistgħu jinġabru fi gruppi ta’ mhux aktar minn għaxar persuni, b’żewġ metri distanza bejn kull grupp.
Għal kull avveniment li jaqbeż il-kapaċità ta’ mitt persuna, għandha tiġi sottomessa formula preskritta ta’ analiżi tar-riskju mill-organizzatur tal-avvniment mal-Awtorità tat-Turiżmu. Dak l-avveniment għandu jkun organizzat biss wara l-approvazzjoni tal-formula mill-istess Awtorità.
Fl-avviż legali ingħad li kull organizzatur tal-imsemmija attivitajiet li jonqos milli josserva dawn ir-regolamenti, jista’ jeħel multa ta’ tlett elef ewro għal kull darba li jinqabad jikser dawn ir-regoli.