Il-Gvern investa tletin miljun ewro iżjed fil-qasam edukattiv biex l-iskejjel setgħu jiftħu u jibqgħu miftuħin bil-miżuri kollha neċessarji minħabba l-imxija tal-COVID-19.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar fejn qed jattendu aktar minn tliet kwarti tal-istudenti, il-Gvern spjega fejn marret l-ispiża addizzjonali tiegħu b’mod tanġibbli.
Dawn il-flus intefqu primarjament biex ikun hemm iktar aċċessibilità fit-trasport, aktar superviżjoni għaż-żamma tad-distanza soċjali, u x-xiri tat-tagħmir meħtieġ biex isiru spezzjonijiet mediċi b’mod regolari.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-Gvern żied aktar minn tletin miljun ewro f’sena skolastika waħda biex it-tfal jingħataw l-aħjar edukazzjoni possibbli.
Innota kif f’pajjiżi bħar-Renju Unit bdew jingħalqu l-iskejjel għax l-infezzjonijiet infirxu sew, imma l-protokolli li ġew maqbula f’Malta ħallew ir-riżultat mixtieq u l-investiment multi-miljunarju tal-Gvern wassal biex l-iskejjel f’pajjiżna jistgħu jibqgħu miftuħin.
Il-Ministru Clyde Caruana stqarr, “Illum qegħdin nitkellmu fuq l-edukazzjoni għaliex permezz tal-investiment li għamilna, kien possibbli li jiftħu l-iskejjel tagħna. Li kieku dan ma seħħx, mhux biss it-tfal tagħna kienu jitilfu sena skolastika u din kienet taffettwalhom il-futur tagħhom iżda wkoll ħafna ġenituri kien ikollhom problemi biex jaraw kif se jagħmlu biex ilaħħqu bejn it-tfal u l-postijiet tax-xogħol tagħhom.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li lura f’Marzu meta bdiet l-imxija f’Malta, il-Gvern kien proattiv biżżejjed biex ra l-isfidi u ħadem fuqhom.
Qalet li minn dakinhar saret ħidma sħiħa mal-esperti u l-unjins biex jitfassal qafas għall-ftuħ tal-iskejjel biex it-tfal jibqgħu għaddejjin bil-proċess akkademiku tagħhom.
Dan billi fost l-oħrajn ġie rikonoxxut il-potenzjal tat-teknoloġija biex it-tagħlim baqa’ jasal fid-djar. Bl-istess mod ingħatat ukoll assistenza ta’ counselling u sessjonijiet speċjalizzati għal tfal vulnerabbli.
Il-Ministru qalet li b’ħamsin miżura, infetħu mija u sebat iskejjel, u l-pass ’il quddiem huwa li aktar tfal jattendu fl-iskejjel għaliex min m’għandux għalfejn jibqa’ d-dar għandu jieħu t-tagħlim minn fuq il-bankijiet tal-iskola.
Il-Ministru Justyne Caruana sostniet, “Kienet deċiżjoni għaqlija li jkun hemm dan l-investiment u dejjem imxejna id f’id mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u allura s-sigurtà li għandna fl-iskejjel tagħna huwa wieħed notevoli li meta wieħed jitkellem mal-kollegi tiegħi f’Kunsill tal-Ministri Ewropej, nara kemm kienet deċiżjoni għaqlija u kemm effettivament dan l-investiment ħalla l-frott u għad irid iħalli iktar frott.”