Fl-aħħar plenarja qabel ġie aġġornat għall-vaganzi tas-sajf, il-Parlament Ewropew addotta l-programm tal-Faċilità ‘Nikkollegaw l-Ewropa’ u alloka fondi għal proġetti diġitali, ta’ trasport u ta’ enerġija sas-sena minn din is-sena sal-2027.
Fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, ONE News tkellem mal-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar li spjegat kif 60% ta’ dawn il-fondi jridu jintużaw biex jintlaħqu objettivi relatati mal-klima.
Hija stqarret: “Ħa jkollna propju €30 biljun illi 60% minnhom ħa jmorru għall-qasam ambjentali u l-qalba ambjentali, u li rridu nagħmlu żgur illi pajjiżna ser ikun jista’ jibbenefika fir-rigward ukoll. Id-dibattitu mhux ser jieqaf mal-plenarja hekk kif jiena membru wkoll tal-kumitat tat-trasport u anke tal-kumitat tal-industrija fejn kontinwament nisħaq għall-importanza wkoll li jkollna fondi dedikati għall-pajjiżi gżejjer bħal tagħna.”
Filwaqt li nnutat kif dawn il-fondi ntużaw ukoll biex ikun kofinanzjat il-proġett tal-Junction tal-Marsa, Cutajar spjegat kif il-fondi minn dan il-programm huma utli ħafna għal pajjiżna.
Hija saħqet: “Bħala membru stat li hu magħmul minn gżejjer aħna għandna ċertu iżolament mill-kumplament tal-Ewropa u għaldaqstant dawn huma fondi li jistgħu jgħinuna fil-qalba ambjentali u diġitali, anke fejn jidħlu sorsi ta’ enerġija iktar nadifa.”