Il-Kumitati Reġjonali issa se jibdew jissejħu Kunsilli Reġjonali – magħmula minn kunsilli lokali.
Għall-ewwel darba l-Kunsilli Reġjonali se jkollhom allokazzjoni diretta ta’ aktar minn tlett miljun ewro.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari tal-Gvern Lokali Silvio Parnis li stqarr li r-Reġjuni issa se jkollhom għall-ewwel darba rwoli definiti u aktar responsabbiltajiet.
“Intuhom ir-responsabbiltajiet li se jagħmlu bidla mingħajr ma nieħdu xejn mir-responsabbiltajiet li għandhom il-Kunsilli Lokali.”
Il-President tar-Reġjun se jkun elett mill-Kunsillieri eletti f’dak ir-Reġjun, wara l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Bil-kandidat li jiġi elett bħala President tar-Reġjun, ma jista’ jkollu l-ebda kariga fil-Kunsill Lokali.
Fost ir-responsabilitajiet li se jkollhom il-Kunsill Reġjonali, fejn jidħol il-ġbir tal-iskart se jkollu l-funzjoni li jipprepara l-kuntratt tal-ħruġ tat-tenders, l-għażla tal-kuntratti, kif ukoll l-immaniġġjar tal-kuntratti nfushom.
Dan għandu jwassal sabiex l-immaniġġjar tal-iskart f’Malta jasal biex jilħaq il-miri stabbiliti fl-istrateġija nazzjonali, bil-Kunsill Lokali jibqa’ responsabbli mill-operat kollu tal-ġbir tal-iskart.
Aktar minn hekk il-kunsill reġjonali se jagħmlu studju dwar l-impatt soċjali fil-bidu tal-leġislatura tagħhom sabiex iservihom ta’ linja gwida għad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Filwaqt li għandhom jorganizzaw laqgħat b’mod regolari mal-awtoritajiet tal-iskejjel, il-Kunsilli Lokali, is-social workers, l-awtoritajiet tal-Knisja, il-forzi tal-ordni u gruppi jirrappreżentaw minoranzi sabiex jgħinu fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-abbużi, il-bullying u l-faqar, b’mod speċjali fuq it-tfal u l-persuni vulnerabbli.