Ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se jara tliet miljun ewro minn ħlas taċ-ċitazzjonijiet, imorru għal proġetti ta’ fejda fil-komunità fit-tliet snin li ġejjin.
Il-proġetti li se jkunu appoġġjati f’dan il-ftehim huma msejsa fuq ħames prinċipji ewlenin.
Iridu jkunu proġetti li jtejbu l-ambjent tal-lokalità, iħeġġu trasport nadif jew alternattiv, ikollhom infrastruttura moderna, jinvestu fis-sorveljanza u s-sigurtà, u jħarsu l-patrimonju.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Gvern għan-Nies”, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, saħaq li s-sigurtà se tkun fiċ-ċentru tal-proġetti li se jsiru bħala parti minn dan il-ftehim.
Il-Ministru qal li dejjem se ssib min jikser il-liġi, u f’dawn il-każijiet mhux biss wieħed għandu jieħu tagħlima, imma jekk ikun ħallas multa li minnha tgawdi l-komunità.
“Ħadd ma jieħu pjaċir meta jħallas xi ċitazzjoni iżda l-aġenzija LESA qiegħda hemmhekk biex tara li l-flus minn dawk it-taħrikiet, jerġgħu jiġu investiti lura fil-komunità tagħna u għaldaqstant, bi sħab mal-Kunsilli Lokali, qed naraw li jkun hemm investiment ta’ tliet miljun ewro fi tliet snin għal proġetti li huma speċifiċi fil-komunitajiet tagħna. Proġetti ambjentali, proġetti għat-trasport nadif, proġetti li jwasslu għal sigurtà aħjar fil-komunità tagħna.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera qal li fil-qofol ta’ dawn il-proġetti se jkun hemm l-aspett ambjentali.
Huwa ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex joħorġu bi proġetti innovattivi u ambizzjużi li jkunu sostenibbli u jħallu effetti fit-tul.
“Aħna qed nippruvaw nagħmlu enfasi qawwi, anki bħala dekasteru, li l-proġetti li jsiru fuq livell lokali jkunu hemmhekk biex itejbu anki l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jekk ma jkollokx investiment fl-ambjent u f’aspetti patrimonjali u kulturali, ma tkunx qed tasal għal dan il-għan.”