Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbar żieda ta’ €3 miljun fl-allokazzjoni lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Il-Ministru Falzon ħabbar dan waqt okkażjoni li matulha tfakkru l-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Appoġġ u l-Aġenzija Sedqa li joffru bosta servizzi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, xorb u logħob tal-azzard.
Dr. Falzon sostna li dan il-Gvern qed jagħti prijorità assoluta lill-ħarsien soċjali l-akbar fejn hemm l-involviment ta’ persuni vulnerabbli li qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli.
F’dan il-kuntest, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Joe Gerada fisser kif din iż-żieda fin-nefqa se tintuża f’aktar servizzi soċjali fil-komunità.
Is-Sur Gerada stqarr: “L-enfasi ta’ dan il-budget kif ukoll taż-żieda hija servizzi fil-komunità. Jiġifieri mhux servizzi ċentralizzati li n-nies jiġu għandna imma servizzi biex aħna mmorru għand in-nies.”
Gerada spjega magħna ħafna mis-servizzi offruti fil-komunità fosthom mat-tfal.
“Komunità hemm xelta wiesgħa ħafna, anki programmi speċifiċi bħal, fejn naf jiena, għal tfal li għandhom ħuthom li huma morda b’mard serju. Dawk ukoll, dawk it-tfal minkejja li mhumiex persuni li għandhom il-marda, pero qegħdin jgħixu dik il-marda mal-familja tagħhom fil-familja”, sostna s-Sur Gerada.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li b’budget ta’ 23 miljun illum il-Fondazzjoni timpjega mat-830 professjonist.
Ħabbar li l-pass li jmiss se jkun sistema teknoloġika ġdida għall-professjonisti tal-Fondazzjoni li tippermettilhom jaħdmu minn kullimkien.