Saret l-ewwel sejħa għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni marbuta ma’ teknoloġiji nodfa, karburanti alternattivi, soluzzjonijiet għas-sħana u l-kesħa, u enerġija mingħajr emissjonijiet. Dan il-proġett hu parti mill-programm Clean Energy Transition Partnership.
Il-Kunsill għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm u se joffri nofs miljun ewro kull sena, b’total ta’ €3.5 miljun fuq 7 snin.
Permezz ta’ din l-iskema, riċerkaturi Maltin se jkollhom l-opportunità li jikkollaboraw ma’ riċerkaturi barranin sabiex joħorġu b’soluzzjonijiet għall-kriżi tat-tibdil fil-klima.
Programmi bħal Clean Energy Transition Partnership, li jinċentivaw ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dan il-qasam, se jaqdu l-bżonn kemm lokali kif ukoll internazzjonali biex jinstabu fjuwils alternattivi u gradwalment isseħħ it-tranżizzjoni għal enerġija nadifa.
Din is-sejħa se tkun miftuħa mill-Erbgħa 14 ta’ Settembru sat-23 ta’ Novembru 2023.