B’investiment ta’ tliet miljun ewro u nofs ġew imnedija erba’ skemi ġodda għal min jinvesti f’mezz ta’ trasport privat sostennibli. Dan l-investiment ifisser żieda ta’ miljun ewro minn dak tas-sena l-oħra.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li dawn il-miżuri huma eliġibbli għal dawk kollha li xtraw dan il-mezz ta’ trasport sostenibbli mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena.
L-ewwel skema li għalija hemm allokat wieħed punt tmien miljun ewro hija l-għotja sa disa’ mitt ewro għal meta wieħed jiskreppja karozza u jdaħħal oħra li ma tniġġisx ħafna.
Il-Ministru Ian Borg qal li s-sena li għaddiet din l-iskema bbenefikaw minnha elf sitt mija u tlieta u sebgħin persuna.
It-tieni skema hija dik immirata apposta sabiex Malta tilħaq il-miri Ewropej u b’hekk dawk li jixtru karozzi elettriċi ġodda jingħataw għotja sa seba’ t’elef ewro. F’din il-kategorija tapplika wkoll rifużjoni ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija meta persuna tixtri mutur elettriku. Għal dan jistgħu japplikaw ukoll l-għaqdiet, kumpaniji privati u Kunsilli Lokali.
Is-sena l-oħra minn din l-iskema bbenefikaw kienu kważi tliet mitt persuna.
It-tielet skema hija l-għotja ta’ mitejn ewro meta xufier jimmodifika l-karozza u jġibha taħdem bil-gass.
L-aħħar miżura hija l-għotja ta’ għaxar t’elef ewro lil dawk il-kumpaniji jew individwi li għandhom it-taxis jew trasport ieħor tal-pubbliku u li jkunu se jimmodifikaw il-vettura tagħhom biex tkun waħda aċċessibli għall-persuni b’diżabilita.