Il-faċilità għall-kura fit-tul ta’ San Vinċenz de Paul issa qed tgawdi minn sistemi aktar effiċjenti tal-enerġija, bħall-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ arja kkundizzjonata, ventilazzjoni u dawl, permezz ta’ investiment li jammonta għal €3.3 miljun.
Dan il-proġett tlesta b’finanzjament minn fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali.
Id-dettalji tħabbru waqt żjara f’San Vinċenz de Paul mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jintroduċi tagħmir intelliġenti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’21 sala. Ġew installati wkoll suffitti moderni, b’akustika aħjar u b’karatteristiċi kontra l-ħruq.
Il-Ministru Abela qal li, permezz ta’ dan il-proġett, mhux biss se tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-anzjani, iżda wkoll sar pass eqreb lejn id-direttivi Ewropej, primarjament il-Green Deal.
Qal, “Mhux li biss, ħa jkun hemm, benefiċċji għar-residenti, min jiġi jarahom u dawk il-persuni tal-istaff li jieħdu ħsiebhom, imma f’dan il-proġett, ħadna ħsieb l-ambjent ukoll.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Bonett semma kif il-Gvern hu kommess li, bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, ikompli jtejjeb il-ħajja tar-residenti.
Qal, “Qegħdin nagħtu servizz lill-komunità tagħna, f’dan il-każ l-anzjani, u qed nagħmlu proġetti li jkunu sostenibbli. Proġetti li jħarsu lejn l-ambjent, proġetti li jaraw li jmorru fit-tul u jiffrankaw il-konsum tal-enerġija, niffrankaw il-konsum tal-enerġija u dejjem nagħtu servizz tal-aqwa kwalità.”