Il-Budget għall-2022 inkluda 40 miżura b’allokazzjoni ta’ €270 miljun għall-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta li rridu nħallu lil uliedna” u li kienet indirizzata mill-Ministru Miriam Dalli.
Fil-fatt il-Ministru Dalli tat rendikont tal-miżuri ewlenin li jolqtu lil dan il-Ministeru hekk kif tenniet li dawn huma ntiżi biex joħolqu opportunitajiet ġodda, isostnu l-intrapriżi, isaħħu s-settur tal-enerġija u l-ilma u joffru kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ aktar żoni ħodor u spazji miftuħa.
Il-Ministru Dalli fost oħrajn semmiet miżuri li jgħinu lill-intrapriżi fosthom il-Fond għall-Krediti tal-Karbonju, il-benefiċċji tat-taxxa għal profitti li jerġgħu jiġu investiti mill-ġdid u t-tnedija ta’ Seed Fund għal eko-startups.
Dwar il-qasam tal-enerġija l-Ministru Miriam Dalli aċċennat ukoll għall-istudji li qed isiru dwar it-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija u l-istallazzjoni ta’ 1,200 charging points għall-karozzi fuq medda ta’ 3 snin.
Semmiet ukoll miżuri ambjentali u li jindirizzaw il-prinċipju tas-sostenibbiltà anke quddiem il-mira li Malta tkun ħielsa mill-karbonju sal-2050.
Hawn semmiet fost oħrajn l-investiment ta’ €20 miljun fuq medda ta’ 5 snin għall-proġett ta’ afforestazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar u investiment separat ieħor ta’ €5 miljun f’parks tal-familji u fir-riġenerazzjoni ta’ ġonna u spazji miftuħa fost oħrajn.
Mistoqsija anke minn ONE News dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni fejn qed jingħad li Gvern Laburista jaħli l-flus, il-Ministru Miriam Dalli qalet hekk: “Kuntrarjament għall-Gvern Nazzjonalista l-investiment li nagħmlu fin-nies la ngħidulu ħela, la ngħidulu tberbiq ta’ flus, la ngħidulu flus fl-arja u lanqas ngħidulu ramel għax dik kienet l-aħħar buzz word ukoll. Dan huwa investiment fin-nies. Jiena lbieraħ stess kont mal-kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco li qed jgħid fejn marru s-€700 miljun żmerċ li mar il-Gvern u r-risposta hija ċara. Dawk huma flus li investejna fin-nies bex inkunu nistgħu nħarsu s-saħħa tan-nies u biex anke pproteġejna l-impjiegi tan-nies.”