L-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet tat-taxxa Maltin wasslu biex inġabru sebgħa u għoxrin miljun ewro f’taxxi mhux iddikjarati minn individwi jew kumpaniji Maltin barra minn xtutna, fost l-oħrajn wara r-rapporti tal-iSwiss Leaks u l-Panama Papers.
Id-Direttur Ġenerali tal-Osservanza u l-Investigazzjonijiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, Tarcisio Scicluna, spjega li dawn l-investigazzjonijiet saru fuq individwi u kumpaniji li huma rreġistrati f’Malta għat-taxxa u li kellhom il-flus barra l-pajjiż mhux iddikjarati.
“L-ewwelnett, għandna r-Risk Management Unit li tagħmel ħafna xogħol u tidentifika ħafna każijiet li jkunu ħa jgħaddu għall-investigazzjonijiet jiġifieri aħna meta ngħidu investigazzjonijiet mhux naqbdu persuna u ngħidu ħa ninvestigawha. Irid ikun hemm bażi fuq xiex tiġi investigata – kemm individwu u kemm kumpanija.”
Is-Sur Scicluna spjega li l-investigazzjonijiet isiru fuq livelli differenti, bis-sehem ta’ accountants u uffiċjali li jinvestigaw setturi diversi tan-negozju f’Malta.
“Nixtiequ li kemm jista’ jkun, ikun hemm level playing field bejn in-negozji f’dan il-pajjiż jiġifieri aħna nippromwovu ħafna li jkun hemm voluntary disclosure – jiġifieri persuna li jekk hemm xi ħaġa li mhux jiddikjaraha, jersaq hu minn jeddu u jiddikjaraha, u voluntary compliance ukoll għax aħna għandna l-osservanza wkoll fejn bniedem obbligat li jibgħat it-tax return, il-vat return u dokumenti oħra relatati.”
Dan ix-xogħol imur id f’id mar-rakkomondazzjonijiet tal-Moneyval, b’mod partikolari fejn tidħol il-ħidma mal-Pulizija.
“Qed ikollna ħafna laqgħat ta’ kollaborazzjoni kemm mal-Pulizija u kemm mal-FIAU biex kemm jista’ jkun id-data tiġi shared bejn dawn l-entitajiet, u anki oħra fosthom l-MFSA li ħa nibdew nagħtu xi training magħhom, biex każijiet ta’ evażjoni ta’ ċertu livell ikunu mgħoddija lill-Pulizija biex tittieħed azzjoni min-naħa tal-Pulizija.”