Il-Ministeru għas-Saħħa alloka s-somma ta’ €260,000 biex tintuża għal xiri ta’ tilqim kontra l-influwenza staġjonali. Fil-fatt ġiet ordnata kunsinna ta’ 100,000 vaċċin u f’nofs ix-xahar ta’ Ottubru, se jibda t-tilqim ta’ dawk l-aktar vulnerabbli biex imbagħad f’Novembru t-tilqima tkun disponibbli għal kulħadd mingħajr ħlas.
Il-Kampanja ‘Tilqim Kontra l-Influwenza Staġjonali 2018’ tnediet dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. “Ħafna pajjiżi rrappurtaw li l-influwenza ta’ din is-sena hija inqas aggressiva meta pparagunata ma’ dik tas-sena l-oħra, madankollu l-influwenza hija imprevidibbli, bit-tendenza tkun li l-aggressività tagħha tvarja u allura trid tkun preparat għal kull xenarju. Il-Ministeru għas-Saħħa mhux se jieħu riskju u għalhekk ordnajna l-istess ammont ta’ vaċċin li ġibna s-sena l-oħra, 100,000 vaċċin bi spiża ta’ €260,000 għax it-tilqim huwa l-aħjar prevenzjoni kontra l-influwenza. Is-sena l-oħra l-influwenza kienet waħda aggressiva ħafna, tant li kienet affettwata kważi 17% tal-popolazzjoni tagħna u ngħataw madwar 93,000 tilqima”, qal id-Deputat Prim Ministru.
L-ewwel tilqim se jingħata lill-membri tal-Korp tal-Pulizija; membri tal-Armata; membri tal-Protezzjoni Ċivili, impjegati taċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u Ċentri Miftuħin; impjegati fis-Servizzi Veterinarji, ħaddiema tal-Biċċerija; ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif; uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport u l-port; staff tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-priġunieri; studenti fi skejjel speċjali; persuni ta’ età minn 55 sena ‘l fuq; tfal ta’ bejn sitt xhur u ħames snin; u persuni li jbatu minn mard respiratorju, mard tal-qalb, kliewi u fwied, mard tad-dibaete, HIV u AIDS. Dan l-eżerċizzju mistenni jieħu 15-il ġurnata.
Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li sadanittant tkun għaddejja kontinwament il-kampanja favur it-tilqim kontra l-influwenza u x’miżuri ta’ prevenzjoni għandhom jittieħdu. Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni ta’ kif tkun qiegħda tiżviluppa l-influwenza se tkun qegħda tiġi segwita f’livell komunitarju permezz ta’ numru ta’ tobba, u f’livell sekondarju b’dan tal-aħħar ikun ibbażat fuq persuni li jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei kawża tal-influwenza. Normalment, l-influwenza tilħaq is-severità tagħha bejn Diċembru u Jannar. Min-naħa tiegħu, l-Isptar Mater Dei se jkollu mħejji pjan ta’ kontinġenza biex ikun jista’ jkopri ma’ kull ċirkostanza possibbli. F’Jannar ta’ din is-sena, n-numru ta’ persuni li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei kawża tal-influwenza kien jammonta għal ftit inqas minn 450, ipparagunat ma’ 400 fis-sena 2017 u ftit aktar minn 300 fis-sena 2016.
Minn moniteraġġ li sar tul dan ix-xahar jirriżulta li t-tip ta’ influwenza li mistennija tolqot lill-pajjiż hija dik medikament magħrufa bħala Influenza A/H3.
It-tilqim kontra l-influwenza se jkun qiegħed jingħata miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali. Iċ-ċentri tas-saħħa kollha se jkunu miftuħin mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00 ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofsinhar. Apparti hekk, iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Furjana se jkunu miftuħin ukoll bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m. mit-Tnejn sas-Sibt.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Dr Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, li trattat il-kampanja nnifisha; minn Ms Roseanne Camilleri, CEO Kura Primarja, li trattat is-servizz ta’ tilqim miċ-ċentri tas-saħħa; u mis-Sur Ivan Falzon, CEO fl-Isptar Mater Dei, li tratta l-pjan ta’ kontinġenza għal kull ċirkostanza li tista’ tkun ikkawżata mill-influwenza.