Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għadha kif investiet mal-kwart tal-miljun ewro biex tniedi makkinarju ġdid li se jiffaċilita l-ġbir tal-iskart u l-manutenzjoni tal-Belt Valletta, kemm fl-inħawi kummerċjali u anke f’dawk residenzjali.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara, spjega li €250,000 minn dawn intefqu f’makkinarju tal-ġbir tal-iskart li huwa iżgħar u li hu mfassal skont dimensjonijiet stabbiliti mill-Att rivist dwar il-ġbir tal-iskart mill-Belt.
Is-Sur Deguara żied jgħid li d-Diviżjoni addattat ukoll il-makkinarju tal-ġbir tal-iskart li jintuża fil-Belt Valletta. “M’għadhux aċċettabbli li jkollna trakkijiet enormi jiġbru l-iskart imma llum għandna trakkijiet moderni simili bħal ma nara f’ibliet oħra Ewropej. Imbagħad ikollna trasferiment barra mill-Belt fejn l-iskart jiġi trasferit fi trakkijiet oħrajn”, spjega Deguara.
Id-Diviżjoni qed tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni u ż-żamma tal-Belt Valletta bħal tiswija ta’ bollards tat-toroq, żamma ta’ kontenituri tal-iskart, u oħrajn “partikolarmentfiż-żona kummerjċali, fiċ-ċentru tal-Belt, fejn qed naraw tiswija tal-pavimentar u ta’ dawl dekorattiv, affarijiet tal-injam, u niżbgħu ukoll fejn hemm bżonn. Dawn huma kollha affarijiet żgħar li jagħmlu differenza fl-estetika tal-Belt Valletta”.
Wara li kien responsabbli minn Valletta elfejn u tmintax, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista issa huwa nkarigat mis-sostenn ġenerali tal-Belt Valletta. Sostenn li jmur lil hinn mill-legat kulturali, infrastrutturali, u estetiku tal-Kapitali tagħna, li fuq kollox hija fost l-uniċi Bliet Kapitali fid-dinja li hija kollha kemm hi sit tal-Wirt Dinji tal-UNESCO:
“Dan l-investiment se jgħin biex inkomplu fejn bdejna u dak huwa biss il-bidu biex lill-Belt Valletta nibqgħu ingawduha”, qal Dr Debattista.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici fakkar fir-riġenerazzjoni assoluta li għaddiet minnha l-Belt fl-aħħar snin, riġenerazzjoni li ġabet magħha sfidi ġodda li l-Gvern laqa’ u mal-ewwel indirizza.