Wieħed u għoxrin kunsill lokali madwar Malta u Għawdex qegħdin igawdu minn fond ta’ mitejn u ħamsin elf ewro sabiex isiru proġetti kulturali matul din is-sena.
Marisa Pisani, Direttur fid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, qalet li permezz ta’ dawn il-fondi l-Kunsilli ħarġu bi proġetti innovattivi sabiex jiżguraw li t-tradizzjonijiet kulturali ma jintilfux iżda jkunu mmarkati fuq il-kalendarju nazzjonali.
“Il-finanzjament totali kien madwar mitejn u ħamsin elf, hemm attivitajiet varji li permezz tagħhom il-kultura fil-lokal tingħata promozzjoni u anki nissalvagwardjaw dawk it-traddizzjonijiet li forsi matul iż-żmien qegħdin jintilfu.”
Dan il-fond, li hu ffinanzjat fl-intier tiegħu mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, se jiżgura li jgħolli l-livell ta’ dak li l-istess kunsilli lokali jkunu jistgħu jorganizzaw.
Fil-fatt, fost id-diversi attivitajiet li gawdew minn dawn il-fondi għal din is-sena kien hemm Birkikara Sajf, Festa Fjuri fl-Iklin, il-Mixegħla ta’ Ħamis ix-Xirka fil-Fgura, u Pjazza Mużika fil-Ħamrun.
Fl-istess waqt, sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija jkomplu jiġu organizzati diversi attivitajiet oħra. Dawn jinkludu Minature Malta fl-Isla, Illum Tweldilna Salvatur fin-Nadur, u Betlem f’Għajnsielem.
Is-Segretarju Paralamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli tkellmet dwar l-importanza tal-kultura fl-ibliet u l-irħula. Qalet li attivitajiet bħal dawn ikomplu jkabbru l-interess tat-turiżmu lokali filwaqt li jattiraw turiżmu minn barra l-pajjiż.
“Il-Kunsilli Lokali, permezz ta’ skemi bħalma huma dawn, sabiex itellgħu attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet tagħhom, ikunu qed jieħdu ħsieb aspetti diversi tal-komunità. Iva, attivitajiet kulturali tal-ogħla livelli kif jafu jtellgħu l-Kunsilli Lokali tagħna jkunu qegħdin iħeġġu lit-turist lokali kif ukoll barrani u jesponu magħhom irkejjen diversi ta’ kultura u tradizzjonijiet li aħna l-Maltin inħaddnu u jagħmluna Maltin.”